ARA: Jinġabru aktar minn €6,200,000 fl-Istrina – One News

Notifiki

ARA: Jinġabru aktar minn €6,200,000 fl-Istrina

“Dan huwa l-karattru tal-poplu Malti, dan huwa l-veru poplu Malti ilhi meta jiġi mgħajjat, meta jiġi mgħajjat biex jingħaqad m’hawnx bħalu. Grazzi, grazzi minn qalbi!”

Dawn kienu l-ewwel kelmiet li lissen il-President ta’ Malta George Vella hekk kif sar magħruf li nġabru aktar minn sitt miljun u mitejn elf ewro għall-Istrina.

B’emozzjoni kbira, fl-ewwel Strina tiegħu Dr. George Vella qal kif meta l-poplu Malti jingħaqad jagħmel affarijiet kbar flimkien.

“Imma s-somma fiha nnifsiha hija ċertifikat ta’ kemm għandu qalbu kbira l-poplu Malti u meta wieħed jitkellem fuq l-għajnuna li hemm bżonn għal dawk ħutna li qegħdin ibatu u għaddejjin minn ċertu diffikultajiet, nibqgħu nkunu ġenerużi u nibqgħu nkunu sensittivi għal dik l-għajta ta’ ħutna ilhi għandhom bżonna.” Kompla jgħid il-President Vella.

Hekk kif daqqu nofsinhar tal-għada tal-Milied, bdiet l-Istrina bi spettaklu sabiħ li tixhed din il-festa ta’ solidarjetà.

Xhieda ta’ din il-ġenerożità matul din ix-xandira ta’ tnax-il siegħa, huwa stmat li għal kull sekonda nġabru kważi mija, erbgħa u erbgħin ewro.

F’din il-wieħed u għoxrin edizzjoni tal-Istrina, kienu eluf ta’ Maltin li kkontribwixew għall-Malta Community Chest Fund permezz ta’ telefonata jew b’SMS, u b’għotjiet minn diversi kumpaniji, għaqdiet volontarji u bosta attivitajiet li ttelgħu fl-aħħar xhur.

Fost id-donazzjonijiet li saru għall-karus tal-Malta Community Chest Fund kien hemm ħmistax-il elf ewro mogħtija mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’isem il-Gvern.

Dr. Muscat qal li l-fondazzjoni tal-Malta Community Chest Fund hija importanti ħafna għas-soċjetà għaliex l-għan tagħha hi li tagħmel il-ġid.

Aktar tard l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista ukoll tat donazzjoni ta’ elfejn ewro b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Tul is-sena dawn id-donazzjonijiet se jsostnu lill-għadd ta’ familji li jkollhom l-għeżież tagħhom morda fosthom dawk morda bil-kanċer.

Mill-Istrina jibbenefikaw ukoll numru sabiħ ta’ għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu qatigħ mat-tfal, persuni b’diżabiltà u nies vulnerabbli fost l-oħrajn.

Intant fil-messaġġ tal-aħħar, il-President ta’ Malta George Vella rringrazzja wkoll lil dawk kollha li taw semmhom tul ix-xandira.

Huwa kellu kliem ta’ tifħir għall-voluntiera kollha li ħadmu qatigħ sabiex din l-edizzjoni tal-Istrina kienet waħda ta’ suċċess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend