F’Jum il-Milied: S’issa twieldu għaxart itrabi – One News

F’Jum il-Milied: S’issa twieldu għaxart itrabi

F’Jum il-Milied twieldu għaxart itrabi – sitt ibniet u erba’ subien u l-ġenituri ta’ dawn it-trabi irċivew l-isbaħ u l-iktar rigal speċjali għal dan il-Milied.

Għal numru ta’ koppji dan il-Milied se jkun wieħed speċjali ferm hekk kif laqgħu tarbija f’familthom, bl-ewwel tarbija titwielet fis-siegħa neqsin għoxrin ta’ filgħodu.

Crew ta’ ONE News żar l-isptar Mater Dei fejn iltqajna ma’ numru ta’ trabi li twieldu f’dan il-jum flimkien mal-ġenituri tagħhom li għadhom eċċitati b’din il-miġja li ġabet daqstant ferħ.

Iltqajna ma’ Qays, li twieled fit-3 ta’ filgħodu. Missieru Taleb fisser magħna l-emozzjoni li ħass x’ħin ħaddan lill-ewwel wild tiegħu għall-ewwel darba.

Qal “Ħafna ferħan li hu ġie f’din il-ġurnata mbierka għax ħa jbierku l-Mulej.”

Tkellimna wkoll ma’ Aleksandra Mitrovic, li għall-ħabta tal-ħamsa ta’ filgħodu welldet lil binha Peter.

Fl-istess ħin Linda Sultana welldet lill-ewwel tarbija tagħha Martina.

Linda Sultana qaley li tinsab ferħana hekk kif it-tarbija tagħha twieldet proprju f’Jum il-Milied.

F’jum il-Milied is-sala tal-Maternità fl-isptar Mater Dei kompliet b’ħidmietha. Hawn spikka l-ferħ fost l-infermiera u l-qwiebel, li minkejja ma qattgħux il-Milied mal-għeziez tagħhom, iċċelebrawħ mal-ġenituri li għadhom kif irċivew l-isbaħ rigal.

Janice Bajada qalet kif “Fil-Milied hija ħaġa sabiħa għalina vera nkunu xogħol imma xi ħaġa vera sabiħa li nkunu magħhom nesperjenzaw dan il-mument u għalihom tkun isbaħ li tkun fil-milied ovvjament”

Li hu żgur huwa li għalkemm tarbija ġġib ferħ fi kwalunkwe żmien tas-sena, twelid f’jum il-Milied jagħmel din il-ġurnata waħda maġika.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend