Appell dwar kif għandhom jitgeżwru r-rigali tal-Milied – One News

Notifiki

Appell dwar kif għandhom jitgeżwru r-rigali tal-Milied

Il-Milied iġib miegħu ferħ għal bosta b’mod speċjali fost iċ-ċkejknin, li wiċċhom dlonk jixgħel meta jirċievu xi rigal.

Mhux l-istess jista’ jingħad għall-ambjent, għax l-ammont ta’ skart li jiġi ġġenerat matul dawn il-jiem ta’ festi huwa kbir.

Bil-għan li l-impatt ikun minimu kemm jista’ jkun, l-uffiċjal tal-Wasteserv Davina Shead spjegat li bħalissa għaddejja kampanja t’għarfien biex il-karti li bihom jitgeżwru r-rigali jkunu dawk li jistgħu jiġu rriċiklati.

“Il-parir tagħna huwa kemm jista’ jkun noqogħdu ‘l bogħod milli nixtru wrapping paper imma nużaw affarijiet li diġà jkollna d-dar bħar-rivisti li nirċievu d-dar u wieħed iva jista’ jiksi r-rigali bihom forsi min qed jarana jgħid ill-aħwa però tiskanta kemm jiġu sbieħ u ovvjament tkun qed iġġedded il-ħajja ta’ dak il-magazine.” Stqarret Shead.

Davina innutat li minflok oġġetti jistgħu jinxtraw ukoll vouchers biex filwaqt li ma jintużawx wrapping papers, dak li jkun jixtri l-oġġett li jrid u li jaf li se juża.

U bħalma f’dawn iż-żminijiet il-volum tal-iskart tal-karti jiżdied, hekk ukoll jiżdied l-iskart tal-ikel, u Davina kellha dan il-parir għal meta wieħed ikun qed iħejji l-ikla tal-Milied.

“Ħafna drabi nafu li jsir iktar minn platt wieħed allura nżommu f’moħħna l-ammont ta’ nies li ħa jkollna u l-volum li jieklu – għax jekk għandek tfal ħa jieklu ammont, jekk għandek kbar jieklu ftit iżjed – u jekk ħa jkollna aktar minn platt wieħed, it-tieni platt m’għandux għalfejn ikun daqshekk abbundanti għax ħa nkunu diġà kilna bl-ewwel platt u tibda timtela’ xi ftit. ” Kompliet tgħid Shead.

Hija kellha wkoll parir għaċ-ċkejknin li jippreparaw karrotta u ħalib għal Santa Klaws biex iħallilhom ir-rigali.

“Il-parir tagħna li għar-rigali inħallu jew gverta jew liżar biex ikun jista’ jgeżwer ir-rigali ġo fihom jew inkella hawn xkejjer apposta li wieħed jista’ jixtri u dawn jistgħu jintużaw għal ammont ta’ snin u mhux għal ġurnata waħda li ħa jiġi skart.” Ikkonkludiet Shead.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *