Fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra n-negozjant Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia rriżulta li Fenech bidel il-verżjoni tiegħu wara li Melvin Theuma ngħata l-proklama biex jgħid il-verità kollha u jikxef dak kollu li jaf fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-Qorti l-Kap tal-iskwadra tal-omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud, qal li meta Melvin Theuma ngħata l-proklama, Yorgen Fenech bidel il-verżjoni li kien ta iktar qabel u daħħal lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri.
Hawn beda jallega għall-ewwel darba l-involviment u kuntatt li kellu ma’ Keith Schembri inkluż fis-sigħat ta’ qabel kien arrestat.
Yorgen Fenech huwa l-allegat mandant u Melvin Theuma kien il-middleman fil-każ li dwaru hemm ukoll 3 persuni l-qorti akkużati li esegwixxew l-ordni biex tinqatel Caruana Galizia.
Il-maħfra ngħatat fuq il-parir tal-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Fil-Qorti, l-Ispettur investigattur ewlieni Keith Arnaud, saħaq kif l-istqarrija ta’ Fenech fejn jidħol l-involviment ta’ Keith Schembri nbidlet wara li Melvin Theuma ngħata l-proklama. Fl-istess perjodu anke Yorgen Fenech talab proklama.
Iżda din kienet irrifjutata u kontra li tingħata mhux biss kien hemm il-Kabinett iżda kien hemm ukoll il-familja tal-vittma.