Ir-raħal tax-Xagħra għal darb’oħra ser jinbidel f’villaġġ tal-presepji – One News

Notifiki

Ir-raħal tax-Xagħra għal darb’oħra ser jinbidel f’villaġġ tal-presepji

Matul dawn iż-żminjiet ir-raħal tax-Xagħra se jkun qed jinbidel f’villaġġ ta’ presepji u din is-sena m’hijiex eċċezzjoni għaliex se jerġa jkun hawn numru sabiħ ta’ presepji fi stili differenti għall-wiri.

Dawn jammontaw għal 31 presepju mifruxin f’diversi partijitet tar-raħal tax-Xagħra li nsibuhom, fil-Knisja Bażilika ddedikata lil Marija Bambina, fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet, fiċ-Ċentru ta’ Ġesu’ Nazzarenu, f’Sant‘ Anton, fil-Mużew tas-subien u fid-djar privati tad-dilettanti tal-presepju.

Din is-sena hija tabilħaq speċjali għal din it-tradizzjoni fix-Xagħra għaliex wieħed minn dawn il-presepji qiegħed ifakkar il-ħamsin sena minn meta beda jsir dak mekkanizzat li jinsab ġewwa l-Mużew tas-subien.

Din is-sena, fl-okkażjoni tal-anniversarju, barra li wieħed imur jara dan il-presepju uniku, ikun jista’ wkoll jara wirja li s-soċji tal-Mużew qed itellgħu biex iffakkru dan l- anniversarju speċjali. Barra minn hekk, ġewwa l-istess sede tal-Mużew wieħed jista’ jsib numru ta’ presepji oħra li lkoll jinsabu esebiti għall-wiri.

Fiċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet wieħed isib presepju tradizzjonali tal-ġebel li l-pasturi tiegħu ġew maħduma mill-abbatini stess.

Ħames presepji oħra li jinsabu għall-wiri jikkumplimentaw il-Knisja Bażilika tax-Xagħra bħala attrazzjoni ewlenija oħra matul dawn iż-żminijiet. Dawn jinkludu presepju maħdum mit-tafal u l-ġebel u erba’ presepji li jissimbolizzaw erba’ ġrajjiet relatati mat-twelid ta’ Ġesu: it-tħabbira tal-Anġlu lill-Madonna, in-Nativitá tal-Bambin, il-wasla tal-Maġi u il-Ħarba tal-Madonna u San Ġużepp bil-Bambin lejn l-Eġittu.

Fiċ-Ċentru ta’ Ġesu’ Nazzarenu barra l-presepju tradizzjonali tal-ġebel hemm ukoll wirja ta’ presepji zgħar fosthom tal-presepista Malti Benny Camilleri.

Ġewwa d-djar privati ta’ diversi dilettanti tal-presepju Xagħrin wieħed jista’ jsib varjetá ta’ presepji li jvarjaw minn presepji maħdumin bil-ġablo, ġebel, u presepji fuq stil Malti kif ukoll Naplitan. Dawn jinkludu wkoll presepji li jinsabu esebiti wara t-twieqi.

Aktar informazzjoni dwar dawn il-presepji tista tinkiseb minn fuq il-paġna ta’ Facebook Għaqda ‘Il-Milied fix-Xagħra’ jew permezz ta’ mappa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend