L-Għawdxin huma fil-qalba tal-politika tal-Partit Laburista u fit-tfassil tal-ħidma tal-gvern.
Dan kien il-messaġġ tal-kandidat għall-kariga ta’ mexxej Laburista , Robert Abela, meta fi tmiem il-ġimgħa għamel żjara fil-gżira Għawdxija u ltaqa’ ma’ folla sabiħa tan-nies li taw merħba lill-Prim Ministru Joseph Muscat, f’ Ta’ Sannat.
Dr Abela, qal li l-Partit Laburista kellu viżjoni ċara, li beda jwettaqha fl-elfejn u tlettax, li se nkomplu nibnu fuqha sabiex l-Partit Laburista ikompli jikseb il-maġġoranza f’Għawdex.
Qal li Għawdex huwa mudell ċar tas-suċċess dan il-Gvern. Huwa qal li l-MCAST ġdid f’Ghawdex, l-iskola medika ta’ Barts, l-Gozo Innovation Hub fix-Xewkija u l-investiment b’saħħtu fl-infrastruttura huma prova ta’ kemm il-Partit Laburista jagħti importanza lil gżira Għawdxija.
“Fil-laqgħat li kelli ma’ ħafna negozji u familji Għawdxin iddiskutejna l-viżjoni tagħna. Ilkoll qbilna li Għawdex irid ikun prijorità fit-tfassil tal-politika u li Għawdex ikun fuq nett ta’ tkabbir ekonomiku ta’ Malta u ta’ Għawdex.”
Dr Abela qal li jekk jingħata l-fiduċja tal-membri tal-Partit Laburista, fil-kariga ta’ Prim Ministru, se jara jitwettaq l-proġett tal-link permanenti bejn iż-żewġ gżejjer. Proġett, li se jtejjeb ħajjet l-Għawdxin, li jkollhom jivvjaġġaw ta’ kuljum lejn Malta.
Robert Abela qal li huwa enerġetiku sabiex flimkien nkomplu naħdmu għall-aktar suċċessi.