F’temp mill-isbaħ wara jum iddominat minn riħ qawwi, mijiet ta’ familji qattgħu l-jum tal-Ħadd fil-kapitali Maltija, fejn ħatfu l-okkażjoni biex jesperjenzaw il-villaġġ tal-Milied “Fairyland” fi Pjazza Tritoni.
Pjazza li nbidlet f’villaġġ maġiku mimli attrazzjonijiet għall-familja kollha, minn tfal sa adulti u anzjani.
Dawk li tkellmu magħna mhux biss innutaw li dan il-villaġġ huwa wieħed uniku għal pajjiżna, imma wkoll li jinsabu kuntenti li jistgħu jqattgħu dawn il-ġranet sbieħ ta’ festi mal-familja.
B’attrazzjonijiet bħal carousel, ferris wheel u ice skating rink, “Fairyland” qajjem entużjażmu wkoll fost iċ-ċkejknin, li wkoll qalu tagħhom dwar dak li għoġobhom f’dan il-villaġġ tal-Milied.