Aktar xhieda fil-każ kontra l-eżekuturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – One News

Notifiki

Aktar xhieda fil-każ kontra l-eżekuturi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia


L-investigatur ewlieni fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Kap tal-Iskwadra tal-Omiċidji l-Ispettur Keith Arnaud, ressaq aktar xhieda fil-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-aħwa Alfred u George Degiorgio u Vince Muscat.

L-ewwel xhud quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, kienet tfajla, li isimha ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti. Hija qalet li dwar dan il-każ ma taf xejn u qiegħda ssegwi kollox mill-aħbarijiet.

Mistoqsija  x’relazzjoni għandha mal-middlemen Melvin Theuma, wieġbet li f’Lulju tas-sena l-oħra rċeviet telefonata mingħandu, biex tiltaqa’ ma’ ċertu David Baldwin u tagħtih €15,000. Flus li ntużaw għal bail tas-sieħba ta’ George Degiorgio f’każ dwar ħasil tal-flus.

Xedhet li l-flus għaddiethomlu l-Marsa iżda ma kinitx taf għalxiex kienet qiegħda tgħaddihom.

Xehed ukoll David Baldwin, li qal li kien ilu jaf lil Theuma għal aktar minn 5 snin għax kien jarah il-Marsa waqt it-tlielaq tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Ikkonferma li t-tfajla għaddietlu l-flus iżda qal li qatt ma qallu għalxiex kienu.

Xehed ukoll Lawrence Pace magħruf bħala l-‘Lollie’ mill-Marsa. Xehed li jaf lill-akkużati u jaf li dawn tressqu l-Qorti mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galizia.

Qal li jaf lil Theuma għax kien imur jieħu t-te fil-ħanut tal-gass, fejn kien ikun.

Qal li fil-bidu tal-2018, Melvin tah ħames pagamenti ta’ €300 kull wieħed u kien jagħmel dan kull għaxart ijiem.

Il-‘Lollie’ spjega li Theuma kien jgħidlu biex jeħodhom miegħu l-ħanut u jagħtihom lil ċertu Joseph Brincat magħruf bħala is-‘Sukku’. Pace qal li s-‘Sukku kien jgħidlu ħa jagħtihom lill-familja ta’ Degiorgio u Muscat.

Is-‘Sukku’ kien jagħtih karta forma ta’ rċevuta, u fuqha kieni jitniżżlu l-ismijiet tal-akkużati.

Xehed ukoll is-‘Sukku’ u qal li kien l-iskola mat-tliet akkużati.

Is-‘Sukku’ qal li għandu ħanut il-Marsa u kkonferma li jaf lil Pace iżda lil Theuma jafu ftit.

Qal li fil-bidu tal-2018, Pace qallu jgħaddi l-flus li jagħtih lil Mario Degiorgio. Qal li ma kienx jaf li l-flus ġejjin mingħand Theuma. Is-‘Sukku’ qal li l-flus għaddew mingħandu xi sitt darbiet.

Il-flus kien jiġborhom mingħandu Mario, ħu l-aħwa Degiorgio li kien jagħtih riċevuta li fuqha kien ikun hemm miktub li ġejja mill-ħabs.

Fl-awla xehed ukoll Sandro Mamo mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali. Qal li fit-22 ta’ Novembru li għadda l-Ispettur Arnaud tah struzzjoni biex imur ma’ Melvin Theuma f’post ftit ‘il bogħod mir-residenza ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija.

Hemmhekk Theuma spjegalu fejn kien ħadu Alfred Degiorgio, il-post minn fejn allegatament Degiorgio beda jsegwi l-moviment ta’ Caruana Galizia qabel id-delitt.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend