L-Awtorità tal-Ippjannar tirrifjuta applikazzjoni għal żvilupp fil-Ħondoq – One News

Notifiki

L-Awtorità tal-Ippjannar tirrifjuta applikazzjoni għal żvilupp fil-Ħondoq


L-Awtorità tal-Ippjanar irrifjutat l-applikazzjoni għall-permess ta’ kamra tal-għodda fl-inħawi ta’ Ħondoq ir-Rummien fil-Qala.

Din l-applikazzjoni ta’ binja kienet f’żona barra mil-limiti tal-iżvilupp. Magħha kien hemm propost tinda tal-ħġieġ u parapett flok munzell ġebel li kien fuq art verġni.

Il-Kummissjoni tal-Ippjanar ma aċċettatx l-applikazzjoni minkejja li kien hemm rakkomandazzjoni biex din tiġi approvata, peress li tmur kontra l-Politika Rurali u l-Gwida għad-Disinji tal-Awtorità.

Fid-deċiżjoni tagħha l-Awtorità qalet li jeħtieġ tipprotegi l-valuri tal-karattru, il-veduti u l-ekoloġija ta’ żoni rurali.

Intant b’rabta mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Kunsill Lokali tal-Qala laqa’ b’sodisfazzjon ir-rifjut tal-applikazzjoni.

Is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg saħaq li l-art fejn kien propost l-iżvilupp għadha fi stat naturali u li tidher anke minn Kemmuna.

Spjega li dan l-iżvilupp seta’ joħloq preċedent għal żviluppi oħra iżjed ‘il quddiem.

 Is-Sur Buttigieg stqarr: “Din id-deċiżjoni lqajnieha b’ferħ fis-sens li din kienet rakkomandata biex tiġi approvata iżda jien u anki l-avukat tagħna Dr Claire Bonello waqt il-hearing urejna l-bord tal-MEPA għaliex dan il-permess ma jistax joħroġ. Tajna ‘l fuq minn sitt raġunijiet. Tajna ‘l fuq minn sitt raġunijiet biex ma joħroġx. Ħadna pjaċir għax nemmnu wkoll li dik mhux veru kienet se tiġi bħala tool shed iżda fil-futur, min jaf 10, 20 sena oħra tkun żviluppata bħal ma talbu l-permess tas-souvenir fuq ir-rift ta’ Ħondoq.”

Is-Sindku tal-Qala saħaq ukoll li l-Kunsill immexxi minnu se jibqa’ jistinka sabiex inaqqas it-theddida fuq l-ambjent u l-komunità li jixirqilha tibqa’ tgawdi n-natura.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend