Bħal-lum ġimgħa jinfatmu uffiċjalment il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat – One News

Notifiki

Bħal-lum ġimgħa jinfatmu uffiċjalment il-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat


Matul il-jum tal-Erbgħa nħareġ l-avviż legali li se jdaħħal is-separazzjoni tal-funzjonijiet tal-Avukat Ġenerali u l-Avukat tal-Istat f’uffiċji separati fis-seħħ fit-18 ta’ Diċembru.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici f’konferenza stampa fejn semma kif l-ewwel avukat tal-Istat se tkun Dr Victoria Buttigieg li ntgħażlet b’sejħa pubblika.

Il-Ministru Bonnici spjega: “B’seħħ mit-18 ta’ Diċembru li ġej se jkun hemm din is-separazzjoni li tidħol fis-seħħ u dan wara li nħatret Dr Victoria Buttigieg bħala Avukat tal-Istat wara sejħa pubblika li hija xi ħaġa li qatt ma’ rajna fejn jidħol il-kamp li qed nitkellmu dwaru.”

L-Avukat Ġenerali se jibqa’ jżomm ir-responsabbilitajiet ta’ prosekuzzjoni, materji kriminali u liġijiet oħrajn fil-kamp kriminali. Min-naħa l-oħra l-Avukat tal-Istat se tkun responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta’ pariri lill-Gvern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum huma eżerċitati mill-Avukat Ġenerali.

L-Uffiċju tal-Avukat tal-Istat se jkun wieħed kostituzzjonali u se joffri l-istess protezzjoni ta’ ħatra li hija offruta lill-Avukat Ġenerali u lill-ġudikatura.

Dr Bonnici spjega li din ir-riforma saret fuq parir tal-Kummissjoni ta’ Venezja li s-sena l-oħra ġiet Malta u ntalbet mill-Gvern Malti sabiex tagħmel rakkomdanazzjonijiet dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna. Dr Bonnici qal li dan hu l-ewwel pass.

Ħabbar ukoll li l-uffiċju tal-Avukat Ġenerali nieda proċess biex ikabbar il-ħidma tiegħu b’mod sostanzjali u għaldaqstant tniedew sejħa għal 20 avukat biex jaħdmu f’dan l-Uffiċju Kostituzzjonali.

Ir-riforma tixpruna wkoll li l-Avukat Ġenerali jassumi iktar funzjonijiet tal-prosekuzzjoni fosthom dik li jieħu post il-Pulizija bħala prosekutur f’kawżi kriminali. Din qed issir ukoll bħala parti minn rakkomandazzjoni oħra tal-Kummissjoni Venezja.

“Il-Kummissjoni ta’ Venezja tat parir lil pajjiżna biex kemm jista’ jkun il-persuna li tiddeċiedi ssirx prosekuzzjoni jew le tkun waħda li tgawdi minn indipendenza istituzzjonali li toħroġ mil-liġi. Fil-fatt l-Avukat Ġenerali ma jistax jitneħħa jekk mhux b’2/3 terzi mill-Kamra wara proven misbehaviour u din ittih saħħa kbira biex jiddeċiedi b’mod indipendenti”, sostna l-Ministru Bonnici.

Dr Bonnici qal ukoll li l-avviż legali jaħseb ukoll biex ir-riforma tkun mingħajr skossi. Fost dawn hemm il-kawżi li fihom l-Avukat Ġenerali huwa parti, fejn hemmhekk l-Avukat tal-Istat se jassumi l-parti tal-Avukat Ġenerali mingħajr ma ssir talba formali lill-Qorti.

Il-liġi li qed iġġib fis-seħħ din ir-riforma kienet għaddiet mill-Parlament f’Lulju li għadda, biex minn dak iż-żmien sal-lum sar diversi xogħol ta’ preparamenti, fosthom l-uffiċċju l-ġdid tal-Avukat Ġenerali f’dak li kien il-Palazz tal-Ammiraljat.

Dan filwaqt l-Avukat tal-Istat se jkun qed jopera minn binja preżentament okkupata mill-Ministeru għall-Ġustizzja.

Dr Bonnici temm jgħid: “Jiena nara li jkun hemm iktar riformi fil-ġimgħat li ġejjin u dan huwa commitment li nkomplu nagħmlu għall-qasam tal-ġustizzja aħjar.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend