Mas-sbiħ it-Tnejn filgħodu grupp ta’ dimostanti daħlu jipprotestaw fil-binja ta’ Kastilja. Id-dimostranti ntefgħu bilqiegħda mal-art għall-ħabta tas-sebgħa ta’ filgħodu u qattgħu sitt sigħat bilqiegħda fid-daħla tal-uffiċċju tal-Prim Ministru.
Il-Pulizija qalet li kien għall-ħabta tas-7:00 ta’ filgħodu li waslilhom rapport dwar din il-protesta li kienet tidher waħda paċifika u taħt kontroll.
Madankollu, ONE News jinsab informat li fil-ħin li d-dimostranti taw is-salt biex jidħlu f’Kastilja, kien hemm suldat li ġarrab ġrieħi ħfif.
Bħalma seħħ f’dawn l-aħħar jiem, id-dimostranti tħallew jagħmlu l-protesta tagħhom fil-preżenta tal-ġurnalisti, is-suldati tal-Armata u l-Pulizija.
Kien għall-ħabta ta’ nofsinhar li d-dimostranti dehru ħerġin mill-bieb tal-ġenb ta’ Kastilja li jinsab fi Triq San Pawl u komplew bil-protesta tagħhom f’nofs ta’ triq. Uħud minnhom dehru wkoll jirrifjutaw l-ordnijiet mogħtija lilhom mill-Pulizija.
Intant fi stqarrija, is-Sindku tal-Belt Alfred Zammit flimkien mal-Kunsilliera Laburisti appellaw għall-Għaqda nazzjonali u biex jirrenja s-sens komun f’dawn iċ-ċirkostanzi.
Qalu li r-residenti Beltin qegħdin ibatu l-konsegwenzi bħalma qegħdin ibatu tal-ħwienet fil-Belt b’rapporti ta’ nuqqas ta’ bejgħ bil-konsegwenza ta’ telf ta’ impjiegi.
Il-Kunsill tal-Belt qal li dak li nbena matul is-snin fil-Belt jista’ jintilef jekk mhux ser jiġi mħares l-interess nazzjonali minn kulħadd.
Sostna li bla ma jiċċaħħad id-dritt li wieħed jipprotesta, appella biex f’dan iż-żmien ta’ għaqda nħallu s-serenità tirrenja u b’hekk il-familji kollha jkunu jistgħu jidħlu l-Belt igawdu il-festi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.