“Minflok kaptan ħa nkun baħri u ser inbaħħar magħkom” – il-PM – One News

Notifiki

“Minflok kaptan ħa nkun baħri u ser inbaħħar magħkom” – il-PM

“Minflok kaptan ħa nkun baħri u ħa nbaħħar magħkom.”

Dan kien kliem il-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li indirizza folla numeruża fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbuġ.

Huwa saħaq li ser iħalli lill-kaptan il-ġdid tal-Partit Laburista fil-libertà li jmexxi filwaqt li hu ser ikun baħri leali li ser ikompli bil-ħidma tiegħu fi ħdan il-moviment.

“Jien mhux ħa nkun hemmhekk biex nipprova nfixkel lil min jiġi warajja biex nidher sabiħ iktar minn min jiġi warajja. Jien ħa nkun hemmhekk nagħti l-ispazju kollu li hemm bżonn lil min jiġi warajja. Noqgħod fil-ġenb, inħalli lil min jiġi warajja illi jaħdem imma nkun leali mija fil-mija kif għandkom tkunu leali intom.”

Dr Muscat fakkar li Gvern Laburista fadallu sentejn u nofs oħra fit-tmun u tul dan il-perjodu l-Gvern ser ikompli jaħdem sabiex l-ekonomija tkompli miexja, ir-riformi jkomplu jseħħu u s-soċjetà tkompli miexja b’mandat b’saħħtu.

Tenna li l-partit għandu warajh għaxar rebħiet elettorali konsekuttivi għaliex dan l-istess Partit huwa kapaċi jħoss il-polz tal-poplu filwaqt li jagħraf l-iżbalji passati tiegħu b’tali mod li ma jerġax jirrepetihom.

Huwa esprima l-gratitudni tiegħu lejn il-partitarji preżenti waqt dan iż-żmien ta’ prova. Minkejja dan il-Prim Ministru Muscat saħaq li hu jinsab konvint li dan il-proċess ta’ għażla ser ikompli jgħaqqad il-Partit Laburista. Dan għaliex il-kandidati għandhom il-kwalitajiet kollha neċessarji.

Il-Prim Minisrtu temm jgħid li dan huwa moviment rebbieħ li kellu, għandu u ser jibqa’ jkollu l-fiduċja tal-maġġoranza tal-poplu.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-sinjura Michelle Muscat ingħataw merħba mill-isbaħ ukoll fin-Naxxar. Hemmhekk il-Prim Ministru kellu messaġġ ta’ għaqda. Filwaqt li stqarr li l-kobor ta’ dan il-moviment u l-ħidma li fadallu għal futur.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *