Il-Partit Laburista jwieġeb domandi dwar il-ħatra tal-Mexxej il-ġdid – One News

Notifiki

Il-Partit Laburista jwieġeb domandi dwar il-ħatra tal-Mexxej il-ġdid

Il-Partit Laburista qiegħed iwieġeb domandi komuni dwar il-ħatra tal-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista.

Meta se ssir il-votazzjoni?

Id-dati pjanati għall-votazzjoni huma fis-7 ta’ Jannar f’każ ta’ Konferenza Ġenerali u 11 ta’ Jannar f’każ ta’ Kungress.

Fejn?

Il-votazzjoni tal-Konferenza Ġenerali ssir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Il-votazzjoni tal-Kungress tal-membri se ssir fit-13 -il lokalità madwar Malta u Għawdex.

L-għadd tal-voti ser iir fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun.

Min jista’ jikkontesta għal Mexxej?

Kull membru tal-Partit Laburista huwa eliġibbli sabiex jikkontesta għall-kariga ta’ Mexxej u l-Kummissjoni Elettorali tal-Partit tagħmel ir-rakomandazzjoni tagħha lill-Eżekuttiv Nazzjonali.

Min jista’ jivvota?

F’Konferenza Ġenerali jivvutaw biss id-delegati tal-konferenza.

Fil-Kungress tal-membri huma intitolati jivvutaw:

  1. Delegati tal-Konferenza Ġenerali
  2. Uffiċjali u Membri tal-Kumitati
  3. Sezzjoni Kunsilliera
  4. Forum Kandidati
  5. Membri tal-Partit li jkunu ilhom mill-inqas ħames snin konsekuttivi regolari fil-ħlas. (Membri li għandhom 20 sena jew anqas, il-perjodu ta’ sħubija konsekuttiva jkun ta’ 3 snin).

Jekk inti tesserat tal-Partit iżda nsejt iġġedded xi snin ta’ sħubija, ma tistax tħallas għal aktar minn sentejn pendenzi fis-sħubija minn meta tkun sirt membru ‘l quddiem.

(Dan skont Kapitlu III, Artiklu 16 tal-Istatut li kien emendat u approvat fil-Konferenza Ġenerali biex jaħseb għal dawn l-eventwalijiet).

Dawn l-emendi ddaħlu għall-eventwalità ta’ każijiet ġenwini ta’ membri regolari tal-Partit Labursita, li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux ħallsu sena jew tnejn mill-aħħar ħamsa, u b’hekk jingħataw ċans jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.

Jekk per eżempju, inti sirt membru għall-ewwel darba fl-2017 u għandek l-2018 u 2019 mħallsa wkoll, ma tistax tħallas is-snin 2015 u 2016 biex tgħaqqad 5 snin, għax dan jista’ jsir biss mid-data li fiha tkun sirt membru tal-Partit Laburista għall-ewwel darba.

Għandek dritt għall-vot fil-Kungress jekk int membru għal għomrok?

Jiddependi meta sirt membru:

  • Jekk għandek inqas minn 21 sena u dħalt membru għal għomrok fl-2017 jew qabel, tista’ tivvota.
  • Jekk għandek iktar minn 20 sena u dħalt membru għal għomrok fl-2015 jew qabel, tista’ tivvota.

Jekk tixtieq tiċċekkja jekk għandekx dritt għall-vot tista’ ċċempel fuq 20901771.

L-istatut

L-istatut jinsab  fuq is-sit tal-Partit Laburista www.partitlaburista.org

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend