F’awla numru għoxrin bdew jinstemgħu x-xhieda fl-inkjesta pubblika dwar l-omċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan wara li kien intlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, dwar il-kompożizzjoni tal-Bord tal-Inkjesta Pubblika Indipendenti, ppreseduta miċ-Chairman tal-bord, l-Imħallef Emeritu Michael Mallia, il-Prim Imħallef emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
L-ewwel xhud kien Matthew Caruana Galizia, t-tifel ta’ Caruana Galizia.
Semma’ każijiet li kienet qiegħda tinvestiga ommu fosthom dwar l-eks chief of staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u meta kienet ħarġet storja li qiegħed jingħata l-kura għall-marda tal-kanċer.
Lil membri tal-bord qalilhom li jittama li dan il-proċess jwassal sabiex toħroġ il-verità u ssir ġustizzja.
Huwa qal dan wara li l-pulizija, flimkien mal-Europol u l-FBI, ilha sentejn tinvestiga l-każ u erba’ persuni qegħdin jinżammu arrestati b’rabta ma’ dan il-qtil. Huwa fetaħ attakk fuq il-Kummissarju tal-Pulizija u l-Assistent Kummissarju Ian Abdila.
It-tifel ta’ Caruana Galizia ta ħajr lil ufficjali tal-pulizija li f’ċertu okkażjonijiet kienu jipproteġu lil ommu, anki jekk hi ma kinitx tkun trid protezzjoni tal-pulizija.
Mistoqsi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia, Caruana Galizia qal li qabel l-elfejn u tlettax kienu jsiru rondi tal-pulizija ħdejn id-dar tagħhom fil-Bidnija u kien ikun hemm pulizija dejjem barra l-bieb tad-dar tagħhom. Semma inċident fejn id-dar tagħhom ingħatat in-nar u l-klieb ġew maqtula.
Allega li l-affarijiet wara l-2013 marru għall-agħar. Hawn intervjena l-Imħallef Emeritu Mallia u staqsih jekk wara l-2013 ommu talbitx għall-protezzjoni. Iżda Matthew Caruana Galizia qal li ma jafx jekk ommu staqietx għal dan/
Il-Prim Imhallef Emeritu Said Pullicino ukoll staqsa din il-mistoqsija, u Caruana Galizia reġa’ wieġeb li ma jafx iżda qal li ommu mhux dejjem fittxet il-protezzjoni tal-pulizija. L-Imhallef Abigail Laforo saqsietu meta ommu ma baqgħetx bil-protezzjoni tal-pulizija, b’binha jwieġeb li ma kienx ċert. Huwa tkellem ukoll dwar ir-relazzjoni tajba li kellha ommu mal-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo.
Fix-xhieda tieghu Caruana Galizia qal li ommu kellha l-protezzjoni tal-pulizija fir-referendum tal-kaċċa. Bl-Imħallef Laforo qalet li ommu allura kienet ingħatat il-protezzjoni tal-Pulizija fl-2015. Staqsiet ukoll jekk ingħatatx il-protezzjoni tal-pulizija fl-elezzjoni tal-2017 izda qal li ma jiftakarx.
Binha qal li kien mument iebes għal ommu meta l-Ministru Chris Caronda uża proċeduri legali u ffriża l-assi ta’ ommu minħabba li kienet għamlet allegazzjonijiet serji fuqu. L-Imħallef Emeritu Mallia qallu li ommu setgħet użat mezzi legali sabiex terġa’ ġġib l-assi lura. Caruana Galizia wieġeb li ma jafx.
Xehed ukoll Peter Caruana Galizia, li beda sabiex tkellem dwar il-karriera ġurnalistika ta’ martu. Tkellem dwar xi incidenti li kellhom id-dar, fosthom fl-elfejn u sitta meta kien hemm incident u nirien barra l-bieb tad-dar tagħhom fil-Bidnija. Qal li minkejja l-investigazzjoni li saru taħt il-Kummissarju tal-pulizija John Rizzo ħadd ma tressaq il-qorti.
Qal li kellha relazzjoni tajba ħafna mal-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u kien iċemplilha hafna/ Xehed li kien jgħidilha li trid jew ma tridx kien se jkollha protezzjoni. Allega wkoll li dawn il-pulizija kien jaghtu l-informazzjoni dwar martu lil Glenn Bedingfield.
Qal li wara Rizzo, ħadd mill-kummissarji ta’ warajh ma kien iċempel lil martu biex jagħtiha protezzjoni. Qal li fir-referendum tal-kaċċa kellhom il-protezzjoni ghal jumejn. Qal li jista jkun li kellha protezzjoni fl-2017 meta kien hemm l-elezzjoni ġenerali. Xehed li meta ħarġet bl-istorja ta’ Egrant, ma rċivitx theddid, iżda kien hemm reazzjoni fuq Facebook.
Peter Caruana Galizia qal l-martu ma kinitx fil-Partit Nazzjonalista u caħad li kienet organu tal-Partit Nazzjonalista.
Semma kif martu kienet ħadtiha bi kbira meta l-artikolist Lino Cassar kien sejħilha ‘is-saħħara tal-Bidnija’, terminu li kien użah għax issaħħrek bil-kitba tagħha.
L-eks Imħallef Mallia qal li martu kienet tikteb b’mod aggressiv u tidħol f’ċertu għajdut ta’ nies li mhux relatati mal-politika. Peter Caruana Galizia qal li martu kienu jarawha bħalha hate blogger.