Dr Victoria Buttigieg se tokkupa r-rwol ta’ Avukat tal-Istat wara li ġiet rakkomandata b’mod unanimu minn Kummissjoni ta’ Ħatra wara sejħa pubblika. Dr Buttigieg se tkun l-ewwel persuna li qatt okkupat dan l-irwol Kostituzzjonali ġdid li ġie maħluq bis-saħħa permezz ta’ liġi li ġiet approvata f’Lulju ta’ din is-sena, li għadd trid tidħol fis-seħħ sabiex jilħaq jiġi konkluż dan il-proċess ta’ għażla. Din il-liġi se tipprovdi separazzjoni sħiħa bejn il-funzjonijiet duppliċi li għandu llum l-Avukat Ġenerali.
L-Avukat Ġenerali bis-saħħa ta’ din ir-riforma se jibqa’ jżomm ir-responsabbilitajiet ta’ prosekuzzjoni u materji kriminali li tipprovdi għalihom il-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn fil-kamp kriminali. L-Avukat tal-Istat se jibda jkun responsabbli għall-funzjonijiet kollha ta’ pariri lill-gvern u rappreżentanza legali fl-oqsma tal-liġi kostituzzjonali, ċivili u amministrattiva li sal-lum huma eżerċitati mill-Avukat Ġenerali.
Il-Kummissjoni ta’ Venezja, fl-opinjoni tagħha dwar Malta tas-17 ta’ Diċembru, 2018, kienet ipproponiet is-separazzjoni tal-funzjonijiet duppliċi tal-Avukat Ġenerali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici saħaq li din il-ħatra se tkun pass ieħor importanti fl-istorja legali ta’ pajjiżna. L-importanza ta’ dan il-pass, qal Dr Bonnici, tikber meta wieħed iqis li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ilu jeżerċita funzjonijiet duppliċi sa mill-1936, meta kien twaqqaf fil-forma legali u bl-isem li għandu llum.
“Aħna nemmnu fir-riformi u għamilna ħafna riformi u din hija pass ieħor mir-riformi kbar li aħna wettaqna biex insaħħu s-saltna tad-dritt. Jiena m’għandiex dubju ilhi b’dan il-mod billi jinfattmu l-irwoli duppliċi tal-avukat ġenerali se naraw kemm avukat tal-istat li jaħdem indipendenti kompletament u se jkun qed jikkonċentra fuq il-funzjonijiet ċivili u avukat ġenerali li issa se jkun iffukkat fuq il-proċeduri kriminali fuq funzjonijiet prosekutorjali li se jwassal biex anke f’dan is-settur se jkun aktar speċjalizazzjoni u titjieb tas-servizz.”
L-Avukat tal-Istat se tgawdi l-istess livell ta’ protezzjoni u sigurtà fil-kariga (security of tenure) li jgawdu l-Membri tal-Ġudikatura u l-Avukat Ġenerali. L-Avukat tal-Istat se tkun il-konsulent ewlieni tal-gvern f’materja ta’ liġi u opinjoni legali u se tkun marbuta li taġixxi fl-interess pubbliku u fis-salvagwardja tal-legalità tal-azzjonijiet tal-Istat. L-Avukat tal-Istat se taqdi l-funzjonijiet tagħha permezz ta’ aġenzija indipendenti mwaqqfa bl-Att dwar l-Avukat tal-Istat.
Il-Kummissjoni ta’ Ħatra kienet immexxija mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia.
Dr Victoria Buttigieg għandha 43 sena u ggradwat bħala avukat fl-2001. Hija ssoktat l-istudji tagħha b’Masters fis-Servizzi Finanzjarji. Hija ilha mill-2007 taħdem fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u llum tokkupa l-kariga ta’ Assistent Avukat Ġenerali. Hija ħadmet b’mod estensiv fil-kamp tal-litigazzjoni, bi speċjalizzazzjoni fl-oqsma ċivili, kostituzzjonali u amministrattivi. Hija rrappreżentat lill-gvern f’diversi laqgħat u kumitati internazzjonali u kkontribwixxiet għal għadd ta’ proġetti ta’ riforma fil-qasam legali.