L-imprenditur Ivan Calleja jirbaħ il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2019 – One News

Notifiki

L-imprenditur Ivan Calleja jirbaħ il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2019

Ivan Calleja, imprenditur u sid tal-ħwienet Convenience Shops huwa r-rebbieħ ewlieni tal-Premju Ħaddiema tas-Sena 2019. Dan tħabbar waqt is-serata finali li saret il-Ħamis filgħaxija taħt il-Patroċinju Distint tal-President ta’ Malta George Vella.

B’kollox kien hemm 35 nominazzjoni maqsuma f’seba’ kategoriji li jippremjaw;

  • Il-Ħaddiem Mudell tas-Sena – Amanda Pirrone (LSE – Kulleġġ Marija Reġina Primarja A);
  • It-Tim tas-Sena – Dipartiment tal-Emerġenza;
  • Il-Manager tas-Sena – Dr Danika Marmara (Direttorat tal-Cancer Pathways);
  • L-Employer tas-Sena – Mario Muscat (Ozo Group);
  • L-iktar kumpanija li tippromwovi l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol – Baxter Limited;
  • L-iktar kumpanija li tippromwovi l-Ugwaljanza – Primary Healthcare;
  • L-iktar kumpanija li tħaddan ir-Responsabbiltà Soċjali (CSR) – Ċavett Place.

Ir-rebbieħ ewlieni ntgħażel minn fost in-nominazzjonijiet mitfugħa.

Ir-rebbieħa fil-kategoriji l-oħrajn intagħżlu wara proċess tal-għażla minn bord indipendenti mmexxi mill-Professur Anthony Serracino Inglott.

Fid-diskors tiegħu, il-President George Vella qal li dan il-premju jirrikonoxxi bosta kwalitajiet tal-ħaddiema fosthom l-għaqda u r-rispett bejn il-kollegi, l-importanza tal-ugwaljanza u l-inklużjoni, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva mill-kumpaniji, u l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.

Żied jgħid li huwa tajjeb li l-pajjiż qed jagħti ġieħ lil individwi, timijiet u kumpaniji li permezz ta’ valuri sodi u etika tax-xogħol b’saħħitha, kienu ta’ kontribut siewi għall-kollegi tagħhom u l-bqija tal-komunità.

Il-President Vella temm jirringrazzja lill-ħaddiema kollha li bl-isforzi tagħhom jgħinu biex jagħmlu l-ambjent fuq ix-xogħol aktar pjaċevoli, aktar inklussiv, li jagħmel lill-ħaddiem iktar kuntent u produttiv.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li din iċ-ċelebrazzjoni tal-aqwa prattiċi fis-suq tax-xogħol saret fl-isfond tal-andament ekonomiku b’saħħtu mibni fuq il-bżulija tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin u l-fiduċja tal-intrapriżi li qed jinvestu f’pajjiżna.

F’dan ir-rigward, il-Ministru Zammit Lewis elenka bosta miżuri li xprunaw is-suċċess miksub fl-aħħar snin, fosthom il-proviżjoni ta’ childcare b’xejn, l-in-work-benefit u t-tapering tal-benefiċċji soċjali, il-fond tal-leave tal-maternità u l-pensjoni sħiħa għall-persuni b’diżabilità li jsibu impjieg. Ilkoll miżuri li wasslu biex illum għandna l-inqas rata ta’ qgħad kemm ilha tinġabar l-istatistika.

Fl-istess waqt, il-ministru rrikonoxxa l-isfidi li għandna quddiemna, primarjament dik li nassiguraw paga bażika indaqs għal kull min jagħmel xogħol tal-istess valur fl-istess post tax-xogħol, li nindirizzaw id-diskrepanza fil-pagi u fil-pensjonijet bejn il-ġeneri, u li jkollna aktar trasparenza fil-pagi.

Waqt li riformi bħall-introduzzjoni tal-obbligu li kull min jaħdem jingħata payslip dettaljata, il-parità fil-pagi għall-ħaddiema tal-kuntratturi li jagħtu servizz lill-Gvern, u l-blacklisting ta’ kumpaniji li ma jirrispettawx id-dinjità tal-impjegati tagħhom kienu passi importanti ‘l quddiem. Il-Ministru Zammit Lewis tenna d-determinazzjoni tiegħu li jwettaq aktar riformi biex l-isfidi elenkati jingħelbu b’suċċess.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *