Is-sena d-dieħla se jkun hemm tmienja u erbgħin għaqda volontarja li se jieħdu aktar minn 16-il miljun ewro permezz ta’ ftehimiet soċjali bil-għan li jkollhom il-mezzi neċessarji sabiex jagħtu l-aqwa servizz lill-klijenti tagħhom.
Dawn l-għaqdiet ilkoll iwettqu ħidma sfieqa soċjali u jgħinu nies vulnerabbli, ewlenija fosthom vittmi ta’ vjolenza domestika, abbuż tad-droga, u tfal taħt ordni ta’ ħarsien soċjali fost oħrajn.
Waqt konferenza, il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, Michael Falzon ħabbar illi permezz ta’ ftehim mal-Universita’ ta’ Malta u l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, se jkun qed jingħata kors f’livell maġisteru fil-kura soċjali u t-tmexxija.
Fi kliem il-Ministru Michael Falzon, dan se jwassal biex jiżdied il-livell ta’ professjonalità fis-settur soċjali li beda biss bi tliet ftehimiet, sitt snin ilu.
“Bdejna b’tlett miljuni u llum qed nitkellmu fuq sbatax -il miljun. L-importanti hu ħaġa waħda li kullħadd jagħmel dik ix-xi ħaġa zgħira jew kbira biex nikkontribwixxu li pajjiżna ntejjbu s-socjeta tagħna kemm jista’ jkun għal kullħadd biex dejjem inkunu hemmhekk għal dawk li huma fil-bżonn u vulnerabbli.”
Fl-istess konferenza tkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u d-Drittijiet tal-Persuni B’Diżabilità Anthony Agius Decelis li spjega kif għaxra mill-ftehimiet soċjali se jipprovdu xiri ta’ servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità, ftehim ieħor li jipprovdi servizzi ta’ respite f’Dar il-Kaptan, u tlett ftehimiet oħra mal-privat li jipprovdu għal servizzi u programmi ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabilità.
Is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għas-Solidarjet Soċjali Mark Musu sostna li jixtieq jara iktar għaqda bejn l-organiżazzjonijiet kif ukoll iktar effetività fis-servizzi offruti.
Dan filwaqt li l-Gvern se jilħaq iktar il-ħtiġijiet tan-nies vulnerabbli fil-komunità.
Intant id-Direttur fl-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet tal-Volontarjat Roderick Agius tkellem f’kuntest li bil-liġi emendata s-sena l-oħra kull għaqda mhux governattiva trid tkun irreġistrata għand il-Kummissarju tal-Għaqdiet tal-Volontarjat.
“Aħna għandna rwol ieħor, rwol importanti aħna r-regolatur. Ngħinuhom biex jimxu biex ikunu compliant, dik li ngħidulha compliance certificate jiġifieri li dawn l-għaqdiet dik hija sinjal li qegħdin jaqdu l-funzjonijiet tagħhom skond il-ftehim u skond il-liġi tal-għaqdiet tal-volontarjat.”