Fl-aħħar ġimgħat il-pulizija għamlu tfittxijiet fil-propjetajiet tan-negozjant Yorgen Fenech fosthom fil-jott, fid-dar u fl-uffiċċju tiegħu f’Portomaso.
It-Times of Malta rrappurtat li fid-dar tan-negozjant Fenech instabet ittra li allegatament hija miktuba minn Melvin Theuma, is-suspettat middleman fil-każ tal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-ittra li hija bla data u miktuba bl-idejn ġiet ippubblikata fit-Times u allegatament timplika kemm lil Yorgen Fenech, u kemm lill-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri bil-qtil ta’ Caruana Galizia f’Ottubru ta’ sentejn ilu.
Melvin Theuma, li ngħata l-maħfra presidenzjali mill-Prim Ministru fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija u l-Avukat Ġenerali, kiteb li ried jikteb din l-ittra għax beda jibża’ li se jiġi eliminat u allega li Fenech u Schembri kienu qed jaħdmu biex jeħilsu minnu.
One News jinsab infurmat li waqt li beda jiġi mitkellem mill-pulizija, Melvin Theuma qal li kien Yorgen Fenech li talbu jikteb din l-ittra biex jiġi implikat fil-każ Keith Schembri.
Jirriżulta li mal-pulizija Melvin Theuma ċaħad li Schembri kien involut miegħu u ma’ Yorgen Fenech fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Fil-fatt, it-Times irrapportat li meta magħfus mill-investigaturi dwar Keith Schembri, Melvin Theuma qal li hu ma kellu l-ebda għarfien li Schembri kien involut fil-qtil, iżda semmih għax assuma li dan kien il-każ.
Is-sit inewsmalta rraporta wkoll li bħal lum ġimgħa Keith Schembri kien qed jiġi interrogat mill-investigaturi fil-kwarieti ġenerali tal-pulizija u ċaħad kategorikament li hu kien għadda xi dokumenti lil Yorgen Fenech, permezz tat-tabib Adrian Vella.
Huma rrapportaw li Schembri ġie ffaċċjat darbtejn b’żewġ noti xi ftit differenti li jimplikaw numru ta’ persuni f’din l-istorja.
In-noti ngħataw lill-investigaturi minn Yorgen Fenech.
F’waħda minn dawn in-noti, Fenech ipprova jimplika li kienet waslet għandu minghand Keith Schembri permezz tat-Tabib Adrian Vella.
Il-pulizija minn dejjem bdiet tqies b’kawtela l-allegazzjonijiet li beda jagħmel n-negozjant Yorgen Fenech. Fost oħrajn huwa implika lil Keith Schembri fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia wara li ma ngħatax il-proklama, u li kien hemm pjan biex Fenech jaħrab minn Malta.
Il-Ħamis li għadda, Keith Schembri ġie rrilaxxat mill-arrest wara investigazzjonijiet intensivi li saru fil-konfront tiegħu b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia.
Il-Pulizija qalet li sa dak l-istadju, ma kinitx qed tħoss il-ħtieġa li Schembri jibqa’ jinżamm aktar taħt arrest.