Il-Gvern qed ifassal liġi ġdida biex persuni b’diżabilità intellettwali jiġu mgħejjuna jieħdu deċiżjonijiet.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-drittijiet tal-persuni b’diżabilità Anthony Agius Decelis propju fil-jum Internazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità.
F’konferenza bit-tema ‘Il-Ħelsien għall-Għażla’ organizzata mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, is-Segretarju Parlamentari Agius Decelis qal li l-liġi ġdida mistennija jkollha struttura biex il-persuni b’diżabilità tassew ikollhom id-dritt li jiddeċiedu huma u mhux li xi ħaddieħor jiddeċiedi f’isimhom.
Il-Kummissarju tal-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Oliver Scicluna saħaq li qajla tajna kas l-importanza tad-deċiżjonijiet ħielsa mill-persuni b’diżabilità.
“Jiena nħoss flimkien mal-kollegi tiegħi li nitkellmu fuq ħafna suġġetti fejn jidħol diżabilita’ pero ninsew punt importanti, il-punt ta’ deċiżjonijiet ħielsa li jistgħu jieħdu persuni b’diżabilita’ xi kultant nieħduh forgranted dan is-suġġett u għandna nieħduh iżjed bis-serjeta’.”
Tal-istess fehma huwa Clayton Micallef li saħaq dwar id-dinjità tal-persuni b’diżabilità.
“Meta persuna ma jkunx jista jgħix, meta persuna ma jkunx jista’ jimmanifesta lilu nnifsu fis-soċjeta’ għal xi raġuni jew oħra dak hemmhekk, dik hija instituzzjonalizzazzjoni sewwa, għax inti f’daqqa waħda ġejt mwarrab, emarġinat, moħbi.”
Fl-istess konferenza saru rimarki li l-Gvern baqa’ jagħti s-sostenn u l-għajnuna għall-persuni b’diżabilità permezz ta’ miżuri għall-budget għas-sena d-dieħla. Fil-fatt mis-sena d-dieħla l-persuni b’diżabilità severa se jingħataw l-ekwivalenti tal-paga minima. Dan apparti l-għajnuna fix-xiri ta’ apparat li jgħinhom fil-ħajja ta’ kuljum.
Mis-sena d-dieħla se jitnieda wkoll helpline biex jagħti l-wens u l-għajnuna lill-persuni b’diżabilità. Intant rapport li sar f’April li għadda mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità f’Malta kien hawn kważi ħmistax-il elf persuna b’diżabilità fiżika. Dan filwaqt li ftit aktar minn tliet elef persuna għandhom diżabilità intelletwali.