Raġel mis-Sudan se jitressaq il-qorti mixli li l-Ġimgħa filgħaxija qatel żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Eritrea.
Il-qtil seħħ il-Ġimgħa għall-ħabta tal-11.30 p.m. meta allegatament il-vittma nqatel b’daqqiet ta’ mqass mill-allegat aggressur li ħarab minn fuq il-post.
Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li għall-ħabta tas-1.00 p.m. se tressaq lis-Sudaniż il-Qorti quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli b’rabta mal-omiċidju li seħħ fil-Marsa.
Il-vittma kien instab mill-Pulizija mixħut mal-art fuq il-bankina fil-ħaxix fi Triq Diċembru Tlettax.
Immedjatament fuq il-post marru bosta taqsimiet tar-Rapid Intervention Unit li bdew bi tfittxija immedjata għall-qattiel.
Fuq il-post il-pulizija mid-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali u tad-Distrett sabu xena mill-aktar makabra bil-vittma mixħut mejjet għal tulu fl-art.
Mill-awtopsja li saret fuq il-katavru s-Sibt filgħodu l-Pulizija bdiet tqies il-każ bħala omċidju.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija qalu li l-investigaturi tal-pulizija u l-esperti tal-qorti damu bosta sigħat jiġbru kull traċċa ta’ evidenza sabiex eventwalment wasslu għall-allegat aggressur.