L-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista approva l-proċess li bih se ssir l-elezzjoni ta’ mexxej ġdid tal-Partit Laburista.
L-Eżekuttiv approva l-aġenda u d-dati għall-Konferenza Ġenerali u l-Kungress tal-membri.
In-nomini se jinfetħu nhar it-Tnejn disgħa ta’ Diċembru u jgħalqu l-Erbgħa ħdax ta’ Diċembru.
Il-Konferenza Ġenerali se ssir nhar it-Tnejn sitta u t-Tlieta sebgħa ta’ Jannar.
F’każ ta’ iktar minn żewġ kandidati jkun hemm vot fis-sebgħa ta’ Jannar biex l-aktar tnejn li jġibu ammont ta’ voti, jgħaddu għall-votazzjoni tal-Kungress.
Il-Kungress se jsir fl-għaxra, fil-ħdax, u fit-tnax ta’ Jannar li ġej, bil-votazzjoni mill-membri eliġibbli ssir fil-ħdax ta’ Jannar.
Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Laburista flimkien mal-istrutturi rispettivi se tkun responsabbli mill-proċess elettorali kollu.
Dan kollu ġie maqbul f’laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista li saret it-Tnejn filgħaxija, erbgħa u għoxrin siegħa wara li f’messaġġ lin-nazzjon, il-Prim Ministru ħabbar li se jirriżenja u se jiskatta proċess biex jinħatar mexxej ġdid.
Fuq barra tal-istess binja li fiha saret il-laqgħa, mijiet ta’ partitarji Laburisti mlew it-triq f’manifestazzjoni spontanja bħala turija t’appoġġ lejn Joseph Muscat.