Id-Dwana Maltija kkonfiskat iktar minn tletin elf ewro mhux iddikjarati mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Fi stqarrija d-Dipartiment tad-Dwana spjega li l-uffiċjali tagħha mit-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus sabet il-flus kontanti fuq passiġġier qabel ma’ dan qabad titjira lejn Istanbul minn Malta l-Ħadd filgħaxija. Huwa kellu b’kollox tletin elf, seba’ mija wieħed u sittin ewro.
Il-każ għadda f’idejn it-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi tal-Pulizija u mhux eskluż li dan jaffaċċja akkużi l-Qorti b’rabta mal-każ.
Skont il-liġi Maltija u dik Ewropea passiġġiera huma obbligati jgħarrfu lill-awtoritajiet jekk ikunu qed iġorru magħhom aktar minn għaxart elef ewro fi flus kontanti jew ċekkijiet.