Il-gazzetta t-TORĊA ppubblikat stħarriġ tal-opinjoni pubblika fejn f’ġimgħa pjuttost imqallba fix-xena politika lokali, il-Prim Ministru Joseph Muscat kiseb id-doppju tal-fiduċja li rċieva l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Il-Prim Ministru hu fdat mill-maġġoranza tal-Maltin u l-Għawdxin, b’51.6%, filwaqt li kwart biss tal-Maltin jafdaw lil Adrian Delia.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni baqa’ jsibdha diffiċli jikseb l-appoġġ wiesgħa tal-partitarji nazzjonalisti hekk kif erbgħa minn kull għaxra qalu li jew ma jafdawhx jew ma jafux iwieġbu għall-mistoqsija.
L-istħarriġ staqsa wkoll dwar kif il-Maltin jivvotaw li kellha ssir elezzjoni ġenerali għada. 55.5% tal-Maltin qalu li jivvotaw lill-Partit Laburista, filwaqt li 42.7% qalu li jivvotaw lill-Partit Nazzjonalista.
Dan joħloq distakk ta’ 12.8% bejn il-partiti li skont l-analista tal-istħarriġ tat-TORĊA, Dr Vincent Marmara, jagħti l-istess riżultat tal-elezzjoni tal-2017.
Fl-istħarriġ il-Maltin kienu mitluba jgħidu jekk jaħsbux li l-Prim Ministru mexa tajjeb fil-każ ta-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-maġġoranza wieġbu fil-pożittiv.