Il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia qiegħda toġġezzjona li n-negozjant Yorgen Fenech jingħata l-maħfra presidenzjali.
Il-gazzetta The Times of Malta rrapportat li l-familja ta’ Daphne Caruana Galizia hija fost dawk li oġġezzjonaw għall-maħfra presidenzjali lin-negozjant Yorgen Fenech.
Fenech huwa s-suspettat ewlieni bħala l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u fl-aħħar jiem kien irrapportat kif il-middleman fil-każ, li ngħata proklama, ippreżenta provi ta’ dan. Fil-fatt huwa ngħata l-maħfra presidenzjali wara li kkolabora mal-Pulizija biex jikxef il-mandant tal-qtil.
Min-naħa tiegħu Fenech talab ukoll il-maħfra presidenzjali, bil-Kabinett laqgħa r-rakkomandazzjoni tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija biex Fenech ma jingħatax il-proklama.
Il-Ġimgħa Fenech ippreżenta kawża oħra l-qorti f’tentattiv ieħor biex jingħata l-proklama.
Intant l-aħwa George u Alfred Degiorgio li huma mixlija bil-qtil ta’ Caruana Galiza ressqu rikors il-qorti biex is-suspettat middleman Melvin Theuma ma jagħtix ix-xhieda tiegħu quddiem il-Maġistrat.
Ix-xhieda tiegħu ġiet posposta għall-Erbgħa li ġej.
Min-naħa tagħha l-Qorti laqgħet ir-rikors tal-Avukat Ġenerali biex Theuma jiddaħħal bħala xhud ġdid fil-kumpilazzjoni kontra l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.
Għal Yorgen Fenech qegħdin jidhru l-Avukati Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri – Avukat fl-uffiċċju legali ta’ Franco Debono.