Rapporti fil-mezzi tax-xandir lokali dwar nuqqas ta’ fiduċja mill-Kabinett fil-Prim Ministru ma huma xejn ħlief invenzjoni totali.
Fi stqarrija, il-uffiċċju tal-Prim Ministru qal li bil-kontra ta’ dak li ġie rrapurtat mingħajr ebda verifika, fl-ebda ħin tal-laqgħa tal-Kabinett ma lanqas biss issemma dan il-punt. Kif diġà ntqal fil-konferenza tal-aħbarijiet kmieni dalgħodu, il-Kabinett tlaqqa’ lbieraħ biex jiddiskuti talba għal maħfra Presidenzjali u pariri relatati mogħtija mill-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija.
Ingħad li l-unika fatt huwa li, tlett ijiem ilu, il-Kabinett kif ukoll il-Grupp Parlamentari tal-Gvern kollu ta vot sigriet u unanimu ta’ fiduċja fil-Prim Ministru.
Dr Muscat se jibqa’ ffukat fuq il-prijorità tal-pajjiż li jagħlaq wieħed mill-ikbar każijiet kriminali fl-istorja tiegħu u, kif wiegħed, ikun biss f’dak il-mument li jwieġeb u jitkellem dwar it-triq ‘il quddiem.