Appell għall-kalma u ħidma serena – Bartolo u Zammit Lewis – One News

Notifiki

Appell għall-kalma u ħidma serena – Bartolo u Zammit Lewis

L-appell huwa li tinżamm il-kalma f’dan il-mument delikat għall-pajjiżna.

Dan kien il-messaġġ ewlieni li għadda l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo fil-programm Stat ta’ Fatt li ddiskuta l-aħħar żviluppi f’pajjiżna.

Saħaq li filwaqt li wieħed għandu kull dritt li jipprotesta, dan għandu jsir bil-kalma u mingħajr ma jweġġa’ jew jinsulenta lil xi ħadd.

Il-Ministru Bartolo nnota wkoll li hawn min qed juża din is-sitwazzjoni delikata biex isaħħan in-nies u jħawwad kif jaqbillu biex jilħaq xi skop partiġġjan.

“Wieħed jappella ħafna għall-kalma għaliex hawn min għandu interess li jħawwad ħafna l-affarijiet, u jixgħel in-nar.  Jiena naħseb kemm jista’ jkun għandna nitfgħu l-ilma. Titfa’ l-ilma mhux biex qisu m’hu jiġri xejn imma biex l-affarijiet isiru f’sens ta’ spirtu demokratiku u f’sens ta’ iva ipprotesta.  Dak li għandek tgħid għidu imma m’hemmx għalfejn tweġġa’ nies, m’hemmx għalfejn tinsulenta nies,  m’hemmx għalfejn tattakka nies.”

Fl-istess programm intervjena l-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Edward Zammit Lewis.

Filwaqt li ngħaqad mal-Ministru Bartolo f’appell ta’ kalma u serenità huwa saħaq li l-ebda membru parlamentari ma jixraqlu li ipoġġi ħajtu fil-periklu biex jidħol u joħroġ mill-Parlament.

Dan filwaqt li saħaq kif Gvern Laburista se jaħdem bis-serenità biex ikompli joħloq il-ġid.

“Aħna nwieġbu bil-ġid illi qed nagħmlu lill-poplu.  Ikkalmaw.  Il-gvern Laburista ser jibqa’ hemm Ma ġara xejn.  Għada ser inkunu hemm u ser nibqgħu inkunu pijunieri biex inżommu l-kalma fil-pajjiż, biex inżommu s-serenitá biex naraw li l-Maltin u l-Għawdxin jimxu l-quddiem.”

Zammit Lewis irrimarka li l-appoġġ tal-grupp parlamentari u anki issa tal-eżekuttiv nazzjonali li taw vot ta’ fiduċja unanimu fil-Prim Ministru juru kif il-Partit Laburista huwa magħqud.

Tenna li bil-fatt Gvern Laburista mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat qed jieħu d-deċiżjonijiet u jara li l-istituzzjonijiet qegħdin jaħdmu mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend