Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji ż-Żgħar Chris Cardona qiegħed jissospendi ruħu b’mod immedjat mill-kariga tiegħu sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet u l-proċeduri li għaddejjin bħalissa.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara diskussjoni mal-Prim Ministru.
Dr Cardona jiddikjara illi m’għandu assolutament l-ebda rabta mal-każ. Madanakollu, sostna li għal ġid tal-pajjiż, ladarba kien intalab jagħmel kjarifiċi mill-Pulizija, huwa jħossu fid-dmir li jieħu dan il-pass.
Intant fi stqarrija separat maħruġa mill-Partit Laburista sar magħruf li b’effett immedjat Chris Cardona qiegħed jissospendi lilu nnifsu mill-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit, fil-Partit Laburista.
Din id-deċiżjoni kienet ikkomunikata lill-Mexxej u l-amministrazzjoni tal-Partit Laburista.
Filwaqt li jemfasizza li m’għandu assolutament l-ebda rabta mal-każ, Chris Cardona qed jagħmel dan sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet u l-proċeduri li għaddejjin bħalissa.
Din id-deċiżjoni ttieħdet biex f’dan il-mument ma jkun hemm xejn li jxekkel lill-Partit Laburista milli jkompli l-ħidma tiegħu favur il-pajjiż.