Il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu l-fiduċja unanima tal-Grupp Parlamentari kollu.
F’laqgħa tal-Grupp Parlamentari t-Tnejn waranofsinhar f’Kastilja, il-Prim Ministru talab li jittieħed vot ta’ fiduċja b’mod sigriet bir-riżultat kien wieħed unanimu ta’ fiduċja fil-Prim Ministru.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal l-vot ittieħed wara l-laqgħa tal-Grupp Parlamentari li matulha kien hemm sens kbir ta’ responsabbiltà. Qal li l-Grupp Parlamentari kkonferma unanimament l-impenn li l-Gvern ikompli jwettaq il-mandat elettorali tiegħu għal-leġislatura kollha.
Żied jingħad li l-laqgħa tal-lum kienet parti minn proċerss li se jitkompla u li jwassal għal deċiżjonijiet.
Fi tmiem il-laqgħa, il-Prim Ministru ddikjara li hekk kif kien kritikat għal stqarrijiet li għamel dwar l-iżviluppi fil-każ ta’ qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa mhux ser ikun qed jagħti l-kummenti tiegħu.
Il-Prim Ministru, Joseph Muscat stqarr: “Minħabba statements li għamilt fil-jiem li għaddew ġejt sottopost għall-kritika li m’għandiex nagħmel iktar dikjarazzjonijiet u ħa nżomm ma’ dik il-qagħda.”
Fil-Parlament, il-Prim Ministru qal li l-investigazzjoni mistenniha tintemm fis-sigħat jew il-jiem li ġejjin.
Qal li immedjatament wara ser ikun qed jagħmel stqarrija fejn ser ikun qed jispjega d-dettalji kollha.
“Fiċ-ċirkostanzi fejn għaddejin interrogazzjonijiet jien naħseb li l-aħjar ħaġa li din il-kamra tagħmel anke minħabba li qiegħed nirrijaferma l-impenn politiku tiegħi li ladarba tkun konkluża l-investigazzjoni. Mhux qed nara li ħa ddum kif qed nara l-affarijiet, xhur jew ġimgħat imma kwistjoni ta’ sigħat u ta’ jiem li immedjatament wara, fl-ewwel seduta ta’ wara jiem ser inkun qed niġi nagħmel l-istqarrija tiegħi, nagħmlu dibattitu f’din il-kamra u jingħataw l-informazzjoni kollha u wkoll ikollna diskussjoni politika dwar dan ir-rogward Sur President”, sostna l-Prim Ministru.
Madankollu l-Prim Ministru sostna li dan id-dibattitu ma setax isir illum hekk kif l-investigazzjonijiet għadhom għaddejin.
Dr Muscat tenna: “Jekk id-dibattitu jsir illum numru minn dawn il-mistoqsijiet u numru mill-fatti li nixtieq naqsam ma’ din il-kamra jien ma nistax nagħmel dan. Għaliex? L-investigazzjoni hija waħda li għadha għaddejjha u kwalunkwe kelma li nista’ ngħid u anke ġejt akkużat li għax għidt u tajt informazzjoni b’xi mod jew ieħor stajt nippreġudika l-każ żgur mhux ħa nħalli l-ebda statement u nixtieq li l-istatement ikun sħiħ li nagħti lil din il-kamra. Ma nemminx li jien illum qiegħed f’pożizzjoni li llum naqsam l-informazzjoni kollha li jixraqilha din il-kamra f’dan ir-rigward.”