Mill-ħafi u l-imħallfin sal-lum – One News

Notifiki

Mill-ħafi u l-imħallfin sal-lum

Analiżi ta’ kif mexa fl-aħħar jiem il-Prim Ministru Joseph Muscat meta mqabbla ma’ każi kbar oħra li ġraw f’pajjiżna fl-istorja riċenti juru li filwaqt li Joseph Muscat żamm l-istil ta’ komunikazzjoni tal-Eks Prim Ministru Eddie Fenech Adami, warrab għalkollox il-mod kif Fenech Adami kien innegozja Maħfra Presidenzjali.

Bħal Fenech Adami, Muscat għażel li jżomm il-poplu infurmat bil-fatti ta’ każ sensittiv, iżda differenti minnu qed joqgħod fuq ilpariri tal-awtoritajiet u mhux jinnegozja direttament hu Maħfra Presidenzjali kif Fenech Adami għamel ma’ Żeppi l-Ħafi meta kien jiltaqa’ miegħu regolarment.

Waħda mill-iktar Maħfriet Presidenzjali li tibqa’ tissemma kienet dik li ngħatat fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru Eddie Fenech Adami wara l-attentat ta’ qtil fuq l-assistent personali tiegħu, Richard Cachia Caruana. Il-maħfra kienet ingħatat lil Joseph Fenech magħruf bħala l-Ħafi, persuna b’rekord kriminali.
Dakinhar Eddie Fenech Adami għażel li jinnegozja personalment mal-kriminal. F’moħħ ħafna tibqa’ magħrufa l-laqgħa sigrieta taħt il-pont ta’ San Ġiljan.

Iżda, ma kienx il-każ. L-ewwel laqgħat fil-fatt kienu bdew fir-remissa tax-xufier ta’ Fenech Adami, is-Sunnara, biex wara Fenech Adami kompla jilqa’ f’daru lil Żeppi l-Ħafi għal diversi laqgħat. Imbagħad waslet il-famuża laqgħa tas-7 ta’ Mejju tal-1996 meta taħt il-pont ta’ San Ġiljan, Fenech Adami informa lill-Ħafi li kien se jagħtih il-Maħfra Presidenzjali anke jekk ma talabhiex Fenech innifsu. Kien imbagħad xi għaxart ijiem wara li l-Pulizija bagħtet għal Fenech biex kif ftiehem qabel mal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien jagħti l-verżjoni tiegħu tal-fatti li spiċċat mhux emmnuta. Ġimgħa wara Fenech Adami reġa’ ltaqa’ mal-Ħafi. Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, fis-26 ta’ Ġunju ta’ dik is-sena Fenech Adami kien iltaqa’ ma’ Carmel Attard iż-Żambi. Dan fid-depot fl-uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija u xahar wara li l-istess iż-Żambi kien akkużat b’attentat fuq ħajjet Richard Cachia Caruana.

Totalment differenti l-mod kif il-Prim Ministru ta’ pajjiżna qed jaħdem illum. Din il-ġimgħa informa lill-poplu li persuna suspettata middleman fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia talbet li l-ewwel tingħata Maħfra Presidenzjali. “Din it-talba ġiet akonjizzjoni tiegħi u tkellimt mal-investigaturi u tkellimt ukoll mal-Avukat Ġenerali u qbilna li wieħed ma jistax jagħti ‘a blanket immunity’ mingħajr ma jkun jaf żgur il-każijiet fejn setgħet kienet involuta din il-persuna mingħajr ma jkun hemm l-aċċertazzjoni li l-affarijiet li setgħet tgħid din il-persuna jistgħu jiġu kkorraborati fil-Qorti. Għalhekk jien tajt mandat lill-Avukat Ġenerali u nnegozjajna flimkien mal-avukati ta’ din il-persuna biex nagħmlu pass li naħseb li huwa bla preċedent, jiġifieri dik li ffirmajt ittra li permezz tagħha tajt l-assigurazzjoni li flimkien mal-awtoritajiet kompetenti li kemm–il darba jingħataw l-informazzjoni kollha li l-persuna jista’ għandha u tagħti l-provi kollha u dan kollu jista’ jiġi kkorraborati fil-Qorti. Jien se nkun qiegħed nirrakkomanda lil din il-persuna l-Maħfra Presidenzjali, ukoll suġġett li tikkorrabora fil-każijiet l-oħra li jista’ jkollha. Din l-ittra jien iffirmajtha u allura l-persuna għandha assikurazzjoni li jekk tikkollabora mal-Pulizija u l-informazzjoni li tagħti jkunu bizzejjed biex naslu għall-prosekuzzjoni tal-mandat għal dan id-delitt, din il-persuna se tingħata l-Maħfra Presidenzjali,” qal il-Prim Ministru.

Min tkellem mal-midja? Każ ieħor li xxokkja lil pajjiżna fl-istorja riċenti tiegħu kien dak tat-tixħim tal-imħallfin. Każ li seħħ fl-2002 u l-ewwel komunikazzjoni dwaru ma kinetx mill-Pulizija iżda mill-Eks Prim Ministru Fenech Adami meta fl-1 ta’ Awwissu saret konferenza tal-aħbarijiet. Fit-Times of Malta Fenech Adami kien ikkwotat jgħid li tant kien każ importanti li kien jimmerita li jitkellem hu. Dakinhar ukoll it-Times of Malta rrapportat jekk kienx korrett li l-Prim Ministru kien tkellem f’dak l-istadju u kkwotat sorsi legali li kienu qalu: “Dr Fenech Adami had taken the bull by the horns and stemmed any potential speculation.”

Fi kliem ieħor qalu li għamel sew li dakinhar tkellem. Iktar minn hekk, fis-sigħat ta’ wara kienu kkwotaw sorsi jgħidu fil-Kabinett li l-iktar ħaġa importanti kienet li jkun hemm iċ-ċarezza.

Saħansitra fil-5 ta’ Awwissu t-Times of Malta kkwotat lill-Prim Imħallef ta’ dak iż-żmien Joseph Said Pullicino jgħid li apprezza l-mod trasparenti u korrett li Fenech Adami kien mexa fil-każ. Eventwalment l-imħallfin tressqu l-Qorti u kien hemm li tkellem l-ewwel darba l-Kummissarju tal-Pulizija, dak iż-żmien John Rizzo.

Bl-istess stil miftuħ mal-poplu għażel li jaġixxi l-Prim Ministru flaħħar jiem fejn kuljum ta dettalji li seta’ jagħti, b’sorsi legali jsostnu li fil-każ ta’ Joseph Muscat kien hemm iktar kawtela u attenzjoni biex żgur ma jkunx preġudikat il-kors tal-ġustizzja.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend