In-negozjant Yorgen Fenech ingħata l-police bail skont il-liġi minħabba l-kundizzjoni medika tiegħu.
Fi stqarrija s-Sibt filgħaxija l-pulizija qalet li se tagħti l-police bail lil Fenech wara li dan għamel xi ħin l-isptar u fuq prattika normali tal-isptar, huwa mhux se jkun f’pożizzjoni li jkompli jiġi nterrogat għall-erbgħa u għoxrin siegħa li ġejjin. Huwa se jkollu sigurtà stretta tal-Pulizija. Il-Pulizija ġiet ukoll infurmata li din hija prattika normali tal-isptar wara li pazjent jingħata t-tip ta’ kura li ngħata Fenech.
Matul il-jum tas-Sibt il-pulizija kompliet għaddejja bl- interrogazzjonijiet ma’ Fenech, b’rabta mal-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia. Iżda waqt l-interrogazzjoni huwa ilmenta li qiegħed iħoss uġiegħ u talab li jiġi invistat. Fuq rakkomandazzjoni tat-tabib għal ħabta ta’ nofsinhar, huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei.
Mad-dawra tal-isptar Mater Dei spikkat is-sigurtà stretta waqt li kienu qegħdin isirulu t-testijiet mediċi. B’Fenech ġie rilaxxat mill-isptar għall-ħabta tal-ħamsa u nofs ta’ wara nofsinhar.
Ġie rappurtat ukoll li waqt l-investigazzjoni Yorgen Fenech talab għall-maħfra Presidenzjali.
Minkejja li Fenech ittieħed l-isptar, dan ma waqqafx lill-investigaturi milli jkomplu bl-investigazzjonijiet. Filfatt, l-investigaturi użaw il-ħin sabiex ikomplu l-interrogazzjoni tagħhom mas-suspettat middleman, raġel ta’ wieħed u erbgħin sena. Dawn is-siegħat ta’ investigazzjoni qed ikun meqjusa bħala kruċjali għall-investigaturi li baqgħu għaddejjin b’ħidma intensiva sabiex jiġbru l-evidenza kollha meħtieġa.
Is-suspettat middleman sa issa tkellem biss mal-investigaturi li qed jiġbru l-evidenza taħt il-kappa tal-inkjesta. Dan minkejja li għadha m’għaddiet l-ebda informazzjoni lill-ebda Maġistrat.
Fenech ġie arrestat l-Erbgħa kmieni filgħodu fuq il-jott tiegħu wara li ġie interċettat mill-Forzi Armati ta’ Malta fuq il-baħar viċin Pembroke meta allegatament prova joħroġ mill-pajjiż. Wara siegħat ta’ interogazzjoni, Yorgen Fenech qabel skadew l-ewwel tmienja u erbgħin siegħa, ingħata l-police bail taħt superviżjoni stretta tal-pulizija.
Huwa reġa’ ġie arrestat l-Ġimgħa filgħodu. Fejn apparti interrogazzjonijiet fil-kwartieri ġenerali, il-ħidma tal-pulizija kienet iffukkata ukoll fil-marina ta’ Portomaso fejn fil-preżenza ta’ Yorgen Fenech saru tfittxijiet fil-jott tiegħu, wara li imbagħad reġa’ ittieħed lejn id-Depot tal-pulizija.