Il-Forzi Armati ta’ Malta waqfu l-jott tan-negozjant Yorgen Fenech milli jħalli pajjiżna għal ħabta tal-ħamsa u nofs tal-Erbgħa filgħodu.
Il-jott twaqqaf fl-ibħra ‘l barra minn Pembroke wara li nħareġ mill-marina ta’ Portomaso.
Skortat minn dinghy tal-Armata, l-jott reġa’ ddaħħal fil-marina ta’ Portomaso u l-pulizija arrestat lill-istess Fenech.
Barra l-marina ta’ Portomaso kien hemm ukoll patrol boat tal-forzi Armati ta’ Malta għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Kien irrappurtat li dan l-arrest hu marbut mal-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Fil-marina ta’ Portomaso u fuq l-istess jott bdiet għaddejja investigazzjoni mill-pulizija mmexxija mill-uffiċjali tad-Dipartiment tal-Investigazzjoni Kriminali.
Yorgen Fenech hu fost l-ikbar negozjanti fil-pajjiż, involut f’negozji li jvarjaw mill-ospitalità, għall-proprjetà, il-gaming, l-enerġija u l-marittimu.
Yorgen Fenech kien involut ukoll fil-konsorzju ElectroGas li fost is-sidien tiegħu hemm ukoll il-kumpaniji Siemens u s-Socar.
Fis-sigħat ta’ wara li feġġew dawn l-aħbarijiet sar magħruf li Yorgen Fenech irriżenja mill-kumpanija Tumas Group u rriżenja wkoll mill-bord tad-diretturi ta’ Electrogas.
Jirriżulta li mill-grupp Tumas Fenech irriżenja fl-aħħar jiem.
L-operazzjoni tal-Forzi Armati seħħet inqas minn erbgħa u għoxrin siegħa wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat iddikjara li lest jagħti proklama lil dak li huwa meqjus bħala l-middleman fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. JM tal-bierah fid-dahla ta’ Kastilja
Dan bil-kundizzjoni li l-evidenza li jippreżenta tkun ikkoraborata fil-Qorti fil-prosekuzzjoni tal-mandant fil-qtil ta’ Caruana Galizia.
Hu mifhum li fil-jum tat-Tlieta bdiet tkellem lil din il-persuna li qed tinżamm taħt protezzjoni stretta.
B’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qed jinżammu wkoll arrestati, Alfred u George Degiorgio, u Vince Muscat.
Huma ġew arrestati f’operazzjoni tal-pulizija ġimgħat wara d-delitt ta’ Caruana Galizia fil-Bidnija.