Waqt żjara fir-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis iltaqa’ mal-esperti nazzjonali sekondati (SNEs) mal-Istituzzjonijiet Ewropej. Esperti f’diversi oqsma li huma mpjegati tal-Gvern Malti iżda li jagħtu s-servizzi tagħhom fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Zammit Lewis appella lill-esperti Maltin biex filwaqt illi jkomplu jaqdu dmirhom b’kompetenza u lealtà lejn l-istituzzjoni li jaħdmu fiha, jimbuttaw il-perspettiva nazzjonali ‘l quddiem fil-fora Ewropej. Dan b’konsistenza mal-impenn tal-Gvern biex isaħħaħ il-vuċi ta’ pajjiżna u biex ikompli jħares l-interess taċ-ċittadini tiegħu fl-Unjoni Ewropea.
F’dan ir-rigward, il-Ministru Zammit Lewis fisser l-ambizzjoni tiegħu li jkollna aktar Maltin jaħdmu fl-istituzzjonijiet Ewropej, kemm permezz tal-esperti nazzjonali sekondati, u kif ukoll permezz ta’ professjonisti żgħażagħ li pajjiżna investa fihom biex ikollhom karriera ta’ suċċess fi Brussell u lil hinn.
Ritratti: MEAE