Film ieħor miġbud f’Malta b’investiment ta’ €2 miljun – One News

Notifiki

Film ieħor miġbud f’Malta b’investiment ta’ €2 miljun

Bħalissa qed jinġibdu żewġ films tat-televiżjoni dwar il-ħajja tal-awtriċi Agatha Christie. Dan qed isir b’nefqa ta’ żewġ miljun ewro f’pajjiżna.

Il-produtturi ta’ din is-serje ta’ televiżjoni dwar ħajjet l-awtriċi magħrufa għan-novelli mimlija intriċċi u misteri li kienet tikteb, qegħdin jużaw numru ta’ postijiet f’Malta. Fost dawn hemm il-Katakombi ta’ San Pawl, it-torri ta’ Wignacourt u numru ta’ knejjes u lukandi.

Fi żjara fuq is-sett mill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ntqal li aktar minn nofs tal-crew li qed jieħdu sehem f’din il-produzzjoni huma Maltin. Il-produzzjoni tal-effetti viżwali qiegħda wkoll f’idejn kumpaniji Maltin.

Il-Kummissarju tal-Films Johann Grech qal li din is-sena komplew jiġu attirati produzzjonijiet internazjonali minn bosta pajjiżi.

Fosthom hemm films mill-Amerika, l-Ingilterra, l-Italja, il-Germanja, L-Olanda, l-Iżrael u l-Kanada.

Grech spjega: “Qed jinħolqu iktar opportunitajiet ta’ xogħol f’din l-industrija u għalhekk inħajjru iktar nies biex jingħaqdu magħna biex inkomplu ntejbu s-servizz lejn produzzjonijiet li qegħdin isiru f’pajjiżna u ninsabu ottimisti għaż-żmien li ġej.”

Il-Ministru Mizzi qal li bħalissa għaddejja ħidma mill-Kummissjoni Maltija għall-Films sabiex Malta tkompli tattira numru ta’ produzzjonijiet f’pajjiżna.

Semma li minn Jannar li mill-bidu ta’ din is-sena Malta attirat 19-il produzzjoni internazzjonali, 11 iktar milli attirat is-sena ta’ qabel. Dawn waħedhom irreġistraw nefqa totali ta’ iżjed minn €24 miljun fl-ekonomija Maltija.

Min-naħa tiegħu l-Ministru Konrad Mizzi sostna: “Dan huwa riżultat tal-promotion li qed isir mill-Film Commission kif ukoll mill-inċentivi ġodda li daħlu. Lil hinn minn hekk permezz ta’ din il-produzzjoni sar użu mill-faċilitajiet madwar Malta kollha. Kemm postijiet storiċi kif ukoll lukandi u ħaddiema wkoll Maltin.”

L-industrija tal-films qed tesperjenza tkabbir bla preċedent hekk kif f’sentejn u nofs minn din l-industrija tħallew €50 miljun fl-ekonomija Maltija.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend