Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia ikkonferma l-firda u l-ġlied li hemm mal-għaqdiet tal-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li s-sibt filgħaxija se jmorru l-belt għal dimostrazzjoni f’għeluq il-25 xahar mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
F’kollegament fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li huwa ma jaqbilx mal-għaqda Repubblika, Occupy Justice u l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia – li qed jorganizzaw din id-dimostrazzjoni. Iżda Delia xorta waħda qal li se jattendi u se jkun minn ta’ quddiem.
“Allura iridu imorru, l-belt. Iridu nkunu minn ta’ quddiem anki jekk ma naqblux f’kollox.” Qal Delia f’kollegament.
Repubblika, Occupy Justice u Manuel Delia, ma jarawx għajn m’għajn m’Adrian Delia u mhux l-ewwel darba li tkellmu kontra Adrian Delia u n-nuqqas ta’ kredibbiltà tiegħu fid-dimostrazzjonijiet li jagħmlu ta’ kull xahar. Tant li bħal-lum xahar Simon Busuttil, Jason Azzoppardi u Karol Aquilina ċapċpu kemm felħu meta sar appell għal oppozizzjoni kredibbili.
B’dawn l-għaqdiet kienu ħaduha kontra Delia minħabba li kien għajjar lil Daphne Caruana Galizia biċċa blogger u kien anki fetħilha libell l-qorti, anki jekk irtirhom f’anqas minn 24 siegħa wara li nqatlet.
Fl-intervista Adrian Delia tkellem dwar ir-reat ta’ ħasil ta’ flus u qal li dawn huwa reat inaċettabli. Dan anki jekk Adrian Delia għandu allegazzjonijiet serji ta’ ħasil ta’ flus li daħħal flus f’kont bankarju f’Jersey mill-prostituzzjoni.
“Jekk inti ħsilt il-flus . Dan huwa totalment inaċettabli.” Kompla jgħid Delia.
Iżda Adrian Delia ma jridx jitlob inkjesta sabiex inaddaf ismu minn dawn l-allegazzjojiet ta’ ħasil ta’ flus.