4 xhur wara rapport tal-Kummissarju għall-Istandards dwar ħatriet pubbliċi, inkluż ta’ deputati parlamentari, il-Partit Nazzjonalista oġġezzjona li s-Segretarju Permanenti Ewlieni jressaq analiżi tiegħu fil-Kumitat għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Kien il-whip tal-grupp parlamentari Laburista, Byron Camilleri li talab din il-laqgħa u s-Segretarju Permanenti Ewlieni, Mario Cutajar, kien preżenti fil-parlament biex iressaq ir-rapport li ppubblika lbieraħ. Iżda, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil rrifjuta li Cutajar iressaq ir-rapport u qal li l-oppożizzjoni ma kinetx lesta tiddiskutih f’dan l-istadju. Dan anke jekk għaddew ix-xhur minn meta ħareġ ir-rapport oriġinali li tiegħu saret l-analiżi.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-whip tal-grupp parlamentari tal-Partit Laburista, Byron Camilleri argumentaw il-kontra. Dan filwaqt li l-membri tal-oppożizzjoni lanqas kienu lesti li jitressaq ir-rapport mis-Segretarju Permanenti Ewlieni. Xi ħaġa li saret minn Camilleri.
Ir-rapport tas-Segretarju Permanenti Ewlieni juri li l-Kostituzzjoni ta’ Malta kif ukoll il-liġijiet ta’ pajjiżna ma jpoġġux lil membri parlamentari f’xi tip ta’ kunflitt jekk dawn jieħdu xi ħatra mal-Gvern.
L-analiżi kienet iggwidata b’pariri legali anki minn espert Kostituzzjoni. Minn dawn il-pariri rriżulta li l-Kostituzzjoni stess tagħti lok li uffiċjali pubbliċi jistgħu jkollhom siġġu parlamentari u tagħti setgħa lill-Parlament li jilleġisla u jneħħi iktar projbizzjonijiet.
Ir-rapport elenka wkoll każijiet sa minn qabel l-Indipendenza fejn membri parlamentari tqiegħdu fuq bordijiet ta’ entitajiet pubbliċi.
Dwar ingaġġi temporanji fuq bażi ta’ fiduċja, l-analiżi turi wkoll li m’hemm xejn kontra l-Kostituzzjoni u li din hi preżenti f’bosta pajjiżi. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni spjega wkoll li l-analiżi tagħmel rakkomandazzjonijiet dwar nuqqasijiet fis-sistema eżistenti.