Investigazzjoni li saret mir-Regolatur tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment ikkonkluidet li ma kien hemm ebda indikazzjoni ta’ kollużjoni bejn l-aġent tad-ditta legali Chetcuti Cauchi u l-ministeru responsabbli b’konnessjoni mal-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
L-investigazzjoni ntalbet mill-Gvern f’Settembru li għadda dwar allegazzjonijiet li ġew irrapportati minn stazzjon televiżiv Franċiż f’servizz dwar il-programm Malti taċ-ċittadinanza b’investiment.
Fi stqarrija li fiha ġie ppubblikat ir-rapport sħiħ mir-Regolatur tal-Programm Carmel L. De Gabriele, ingħad li l-Gvern issospenda minnufih il-liċenzja ta’ Chetcuti Cauchi wara li allegatament instema’ jiftaħar b’kuntatti ma’ politiċi tal-Gvern meta kien qed jinnegozja ma’ dak li suppost kien il-klijent tal-programm.
Ir-rapport ikkonkluda b’mod ċar li ma kien hemm ebda indikazzjoni ta’ kollużjoni bejn l-aġent u l-ministru responsabbli, mal-aġenzija jew li l-aġent ingħata xi trattament preferenzjali mindu tnieda l-programm.
Ir-rapport sab li mhux veru li l-applikazzjonijiet kollha li ressaq dan l-aġent ġew approvati fit-totalità tagħhom. Fil-fatt irriżulta li sittax fil-mija tagħhom ma ġewx approvati. Ma nstabitx lanqas ebda evidenza li l-aġent ipprova jsib mezz biex idur mas-sistemza. Żied jingħad li kieku dan kien il-każ, il-livelli ta’ skrutinju li għandu l-programm kienu jassiguraw li dawn l-attentati jfallu.
Ir-rapport jinnota wkoll li dan l-aġent qatt ma ressaq applikazzjoni ta’ persuni b’rekord kriminali. Minn analiżi aktar dettaljata tal-applikazzjonijiet kollha, ġie żvelat li ħadd mill-applikanti li ressqet id-ditta msemmija ma kellu passat kriminali.
Żied jingħad li meta ġew mgħarrbla l-applikazzjonijiet kollha, inkluż dawk sottomessi minn aġenti oħrajn, ir-regolatur sab każ wieħed biss fejn l-applikant kellu rekord kriminali. Żied jingħad li l-aġent inkwistjoni ma kienx Chetcuti Cuachi u l-applikazzjoni ġiet irrifjutata immedjatament.
Ir-rapport jikkonkludi wkoll li għalhekk, jekk jiġu pprovati l-allegazzjonijiet li saru mill-programm Franċiż b’rabta mad-dikjarazzjonijiet li għamlu Chetcuti Cauchi, ir-Regolatur jista’ jikkonkludi biss li l-aġent jista’ jiġi akkużat li xerred informazzjoni qarrieqa għal raġunijiet li jafhom hu biss, x’aktarx bi promozzjoni insensibbli tal-programm Malti. Dan b’riżultat li l-programm spiċċa f’dawl ikrah lokalment waqt li l-persuni li semma l-aġent fl-intervista rrpportata jiġifieri l-Prim Ministru, il-ministru Owen Bonnici u s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli ġew immalafamati bil-kbir.
B’reazzjoni, is-Segretarju Palamentari Farruiga laqgħet il-konklużjoni tar-rapport u ordnat analiżi immedjata tar-rakkomandazzjonijiet li tressqu mir-regolatur.
Il-pubbliku jista’ jaċċessa kopja tar-rapport minn hawn taħt.