Tletin elf student mistennija jibbenefikaw mill-culture pass ta’ din is-sena.
Dan il-culture pass huwa opportunità oħra biex produtturi kulturali jipproduċu produzzjonijiet ġodda u attivitajiet artistiċi mmirati b’mod speċjali għat-tfal u żgħażagħ.
Fl-iskola primarja taż-Żurrieq, il-Ministru Owen Bonnici spjega li filwaqt li s-sena l-oħra kien hemm tlieta u tletin produzzjoni, dawn issa telgħu għal ħamsin.
Qal li kien hemm żieda ta’ kważi sittin fil-mija fl-allokazzjoni tal-baġit għal dawn il-produzzjonijiet fejn issa telgħet għal mitejn elf ewro.
“Festa ta’ kultura bi produzzjonijiet tal-aqwa livell u li ħa jagħmlulhom ħafna ġid fil-formazzjoni tagħhom. Dawn huma kollha affarijiet importanti li qed nagħmlu sabiex il-kultura tkompli tinfirex f’iktar familji.”
Fost il-produtturi hemm anki l-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Teatru Malta u ŻfinMalta, biċ-ċkejkna Leona Falzon mill-Kulleġġ San Benedittu tgħid li l-fatt li culture pass anki se jkun f’idejn studenti tal-kindergarten juri kemm it-trawwim fil-kultura sa minn kmieni huwa pass fid-direzzjoni t-tajba.
“Naħseb li għalija hija idea tajba li ġabuha fl-iskejjel kindergarten u primarji għaliex nistgħu nitgħallmu minnha u żżomm l-kultura Maltija.”
Il-produzzjonijiet ta’ din is-sena huma varjati u jirrappreżentaw kull forma ta’ arti: żfin, teatru, mużika, arti viżiva, letteratura u film u wirt.
“Mużika togħġobni għax hemm ħafna tipi ta’ mużika, anke teżisti mużika Maltija għalhekk looking forward għalija.”
Preżenti għat-tnedija tal-Culture Pass għal din is-sena skolastika kien hemm ukoll is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ Clifton Grima.
Grima faħħar l-inizzjattivi favur it-tisħiħ tal-kultura Maltija.
“Biex l-istudenti tagħna jiżviluppaw b’mod sħiħ bħala persuni għandhom bżonn illi jkollhom numru ta’ suġġetti oħra, essenzjali fosthom hija l-kultura, kultura li tant hija sabiħa, kultura li tant għandna nkunu kburin biha aħna bħala poplu.”
Tema li se tiġi esplorata għall-ewwel darba fil-programm tal-Culture Pass hija l-għana.
Dan f’kuntest li kmieni s-sena d-dieħla, Malta mistennija tressaq it-tieni applikazzjoni lill-UNESCO, biex l-għana tiġi mniżżla fil-lista tal-wirt kulturali intanġibbli.
Intant matul it-tnedija ma naqsux xi ftit tar-rappreżentazzjonijiet fosthom xi ftit daqq ta’ mużika u silta moqrija mill-awtur tassew ħabib tat-tfal, Trevor Zahra.
Tassew togħma ħelwa għall-produzzjonijiet kulturali mill-aktar interessanti.