Il-Maltin it-tieni l-aktar fl-Ewropa li jieklu barra – One News

Notifiki

Il-Maltin it-tieni l-aktar fl-Ewropa li jieklu barra

Il-Maltin huma t-tieni l-aktar poplu Ewropew li jiekol barra.

Dan joħroġ minn stħarriġ li sar minn kumpanija internazzjonali, Colliers International, li sab li l-poplu Malti jonfoq medja ta’ aktar minn 10% tad-dħul tiegħu fir-ristoranti Maltin biex imur jiekol barra.

Kien biss l-Ispanjonli li kellhom rata aktar għolja minn ta’ Malta fejn u jonfqu medja ta’ 15% tad-dħul tagħhom sabiex jieklu barra.

F’ġurnata mill-isbaħ il-Ħadd waranofsinhar żorna Marsaxlokk u Marsamxett. Ir-ristoranti kienu mballati sa ruħ ommhom bin-nies, għall-ikla tradizzjonali tal-Ħadd waranofsinhar.

Nies li tkellmu magħna, speċjalment nisa tad-dar, qalulna li l-jum tal-Ħadd, sabiex jistrieħu mir-rutina u t-tisjir kuljum, ifittxu xi ristorant tajjeb fejn imorru jieklu. Uħud min-nies li tkellimna magħhom qal ma’ crew ta’ ONE News: 

“Inħobb noħroġ il-Ħadd imorru xi lunch waranofsinhar.”

“Noħorġu kmieni filgħodu, imorru nieklu. Hekk inqattgħu l-Ħadd aħna.”

 “Iva nħobb żaqqi u nħobb noħroġ niekol.”

“Induru fuq il-monti meta niġu M’Xlokk. Issa waqafna nieħdu drink. Imbagħad għax xi 13.30 ikollna bbukkjat biex imorru nieklu.”

Iżda xi kultant isibuha diffiċli biex isibu post fejn jieklu, għax ir-ristoranti saru kollha jkunu fully booked.

“Kulħadd joħroġ għax kullimkien full up.”

 “Jekk ma tibbukjax minn qabel, ma sibx fejn tiekol. Qisek trid tibbukja xi erbat jiem qabel biex isib mejda.”

Janica Schembri minn ristorant ewlieni f’Marsamxett qaltilna li l-Maltin saru joħorġu jieklu matul il-ġimgħa kollha. Bir-ristorant tagħhom ikun fully booked sebat jiem fil-ġimgħa, kemm bil-klijenti Maltin kif ukoll bit-turisti. Hija spjegat li “Niftħu kuljum dejjem hemm moviment fix-xogħol. Il-Maltin saru jfittxu l-eċċellenza fejn jieklu.”

Schembri sostniet: “Aħna rbaħna ħafna awards u l-Maltin dawn ifittxuhom għax saru jfittxu l-aħjar u jfittxu ristoranti li għandhom iktar potenzjal minn ristoranti oħra.”

L-istess qaltilna Michelle Vella  minn ristorant ewlieni f’Marsaxlokk. Qalet li kemm ilha taħdem f’din l-industrija, qatt daqs illum ma rat Maltin li ta’ kuljum joħorġu jieklu, kemm waranofsinhar kif ukoll filgħaxija. Bis-Sibt filgħaxija u l-Ħadd waranofsinhar ikunu l-aktar bieżla.

Vella stqarret: “Iva il-Maltin jiġu. Il-Maltin saru joħorġu u jonfqu. Qishom la għandhom il-flus fil-but, il-Malti sar joħroġ u jgawdi.”

Dan l-istħarriġ jingħaqad ma’ stħarriġ ieħor pożittiv tal-Eurostat ippubblikat fl-aħħar jiem li wera li l-Maltin huma fost l-iktar sodisfatti b’ħajjithom, bil-qagħda finanzjarja u bir-relazzjonijiet personali tagħhom fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni Ewropea.

L-istħarriġ wera wkoll li l-qagħda finanzjarja tal-Maltin irreġistat ir-raba’ l-ogħla żieda u avvanzat mal-ewwel 10 pajjiżi Ewropej meta mqabbel ma’ 5 snin ilu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend