Mindu l-Gvern beda jħallas għall-passaġġ tal-ajru tat-tieni ġenitur li jmur ma’ wliedu għall-kura barra minn Malta, elf u tmintax-il ġenitur ngħataw bejniethom aktar minn erbgħa mitt elf ewro biex ikunu jistgħu jakkumpanjaw lil uliedhom ta’ taħt it-tmintax-il sena barra ’l pajjiż.
F’dawn l-aħħar sitt snin, l-ikbar spiża kienet fl-elfejn u sittax, meta aktar minn tmenin elf ewro ssarrfu fi vjaġġi għal aktar minn mitejn ġenitur, li flimkien mal-mara jew raġel tagħhom, setgħu jingħaqdu t-tnejn m’uliedhom f’wieħed mill-aktar vjaġġi diffiċli fil-ħajja.
Charlene Fenech mill-uffiċċju li jieħu ħsieb il-kura barra minn Malta fl-isptar Mater Dei, spjegat li vjaġġ bħal dan iġib miegħu bosta sfidi għall-ġenituri, fosthom il-waqfien mix-xogħol u l-fatt li jħallu wlied oħra warajhom f’Malta.
Qalet li f’bosta każi, pazjenti jdumu xhur twal jirċievu l-kura.
Spjegat kif “Kellna tifla ilha sentejn kważi sentejn hemmhekk gifieri l-ġenituri tagħha jew ħa jkollhom jinfirdu għal ċertu żmien biex xi ħadd jirritorna u jkompli jaħdem biex jissapportja l-familja jew nkella jekk ħa jagħmlu dawk ix-xhur kollha hemmhekk ħa jgħaddu minn diffikultajiet.”
Il-proċess jibda minn Mater Dei, fejn il-konsulenti jkunu diġà qed jieħdu hsieb lill-pazjenti li jkunu għaddew mit-testijiet u t-trattamenti kollha possibbli.
Qalet li “Sfortunatament ħafna mid-drabi d-data tkun fil-viċin allura ovvjament il-biljetti huma pjuttost għoljin allura l-fatt li l-Gvern jgħin fil-biljetti, li hija għajnuna tajba ħafna. Apparti l-fatt li diġa’ għaddejjin minn problemi f’daqqa waħda qed tgħidilhom trid tħallas xi €800 ta’ żewġ biljetti biex imorru l-Ingliterra mill-lum għal għada.”
Biex issa li fl-aħħar snin saru jitħallsu l-biljetti tal-ajru taż-żewġ ġenituri ta’ tfal morda, Charlene tittama li ’l quddiem din l-għajnuna tiġi estiża wkoll ma’ pazjenti adulti.
Temmet billi qalet li “Pazjenti taħt it-tmintax -il sena jitħallas il-biljett tagħhom plus żewġ persuni u pazjenti minn tmintax -il sena jitħallas tal-patient.Forsi wieħed l’quddiem jikkonsidra jitħallas ta’ xi relative ta’ l’fuq minn tmintax -il sena”