Il-Ministru għal Għawdex nediet edizzjoni oħra ta’ HillTop Rock, li sar sinonimu f’dan iż-żmien tas-sena u sar avveniment annwali fil-kalendarju kulturali Għawdxi.
Waqt it-tnedija tiegħu fil-Pjazza tax-Xagħra, il-Ministru għal Għawdex qalet li bi pjaċir, għal darba oħra wara s-suċċess enormi tas-sena l-oħra, se jerġa’ jittella’ HillTop Rock. Il-ministru qalet li attività bħal din turi biċ-ċar kemm Għawdex tassew inbidel f’destinazzjoni kulturali u turistika s-sena kollha u l-għan tal-Ministeru għal Għawdex hu li jassisti lill-entitajiet biex jittellgħu dawn l-attivitajiet filwaqt li jorganizza b’mod ekwu programm kulturali ta’ attivitajiet li jinfirex tul is-sena kollha u mhux ridott għall-istaġun tas-sajf.
Il-Ministru Caruana qalet li “permezz ta’ kalendarju kulturali rikk is-sena kollha, flimkien ma’ aspetti oħra li ġabu lil Għawdex aktar attraenti u aċċessibbli bħall-introduzzjoni tar-raba’ vapur, għenu biex entitajiet organizzattivi jorganizzaw attivitajiet matul is-sena kollha u li għalihom qed jattendu bosta nies”. Din is-sena l-ministeru ħadem bis-sħiħ biex jiffoka fuq attivitajiet li jolqtu aktar persuni li jħobbu ġeneri diversi ta’ mużika u kien għalhekk li għal darba oħra ngħata sostenn lil HillTop Rock.
Il-Ministru rringrazzjat lill-organizzaturi tal-attività u ferħitilhom għall-enerġija li jagħtu biex jittella’ kunċert ta’ kalibru bħal HillTop Rock.
Din is-sena HillTop Rock se jara s-sehem tal-aqwa bands Għawdxin fosthom Dcapitals, Grovestreet Band – li huma relattivament ġodda fix-xena mużikali – kif ukoll l-intervent mużikali tal-artista popolari fix-xena tal-mużika rock Maltija, Ira Losco.
HillTop Rock se jittella’ nhar is-Sibt 16 ta’ Novembru 2019 fit-8:30pm fil-Pjazza tax-Xagħra.