Notifiki

Skultura li tirrappreżenta t-tlugħ u l-inżul tal-ħajja

Il-ħajja hija bħal taraġ. Mimlija tlajja’ u nżul fejn filli tkun id-daqqa tagħna u filli le.

Dan hu s-sentiment espress mill-artist Charles Zammit minn Ħad-Dingli fl-iskultura li ressaq bħala parti mill-kompetizzjoni Arti fi Spazji Pubbliċi.

L-artist qal li l-iskultura li ddisinja jisimha ‘The Wave of Life‘, hekk kif l-analoġija tal-mewġa tiela’ u nieżla hija wkoll simboliżmu tal-ħajja.

Zammit stqarr: “Fit-taraġ għandek l-ups and downs fil-ħajja u l-istess il-wave tirrapreżenta l-ups and downs tal-ħajja. Fil-fatt hi ha tiġi magħmulha miż-Żonqor, tirrapreżenta li fil-bidu ħa tkun polished u hekk u maż-żmien ħa ssir l-element ħa jaħdem fuqu li jfisser li fil-ħajja ħa jkollok dawk l-elementi jaħdmu kontrik imma fl-istess ħin tkun taf tegħlibhom u tissaħħaħ u allura l-ġebla maż-żmien tissaħħaħ.”

Zammit qal ukoll li l-post fejn se titpoġġa l-iskultura intgħażel bi ħsieb, hekk kif se tkun viċin l-irdumijiet li jikkaratterizzaw lil Ħad-Dingli.

Huwa tenna: “Hemm post jgħidulu t-taraġ għadu kemm ġie rinovat mill-Kunsill u ħa tiġi nstallata fil-post got-taraġ ġo Ħad-Dingli.”

Din l-iskultura hija waħda minn tal-ewwel għal Zammit, li wara 20 sena bħala fotografu, fl-aħħar snin intefa’ b’ruħu u b’ġismu jiskolpi u anki segwa kors fl-Università.

“Dan l-aħħar ħames snin bdejt nistudja l-arti l-Universita ta’ Malta u l-iskultura qisni 3 snin ilu li bdejt naħdem, skoprejta sew li ttini sodisfazzjon”, sostna Zammit.

L-iskultura ta’ Zammit hija waħda minn 6 li rebħu l-kompetizzjoni Arti fi Spazji Pubbliċi għal din is-sena. Il-kompetizzjoni għandha l-għan li tpoġġi biċċiet artistiċi qalb il-komunità.

Fil-fatt fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew ix-xogħlijiet sabiex minn abbozzi, l-iskulturi jieħdu l-ħajja.

Għal dan ix-xogħol hemm finanzjament sa massimu ta’ €30,000 għal kull proġett mill-Ministeru għall-Infrastruttura fejn din is-sena tressqu 33 sottomissjoni.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern qiegħed jaħdem biex iwassal spazji miftuħa u msebbħa lill-poplu sabiex l-arti f’pajjiżna jkollha post ċentrali.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici fisser li l-kompetizzjoni hija pjattaforma għall-artisti lokali biex jesponu x-xogħlijiet tagħhom b’mod li dawn jikkultivaw il-viżjoni tagħhom u jaqsmuha mal-bqija tas-soċjetà.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend