Skont ċifri tal-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn Lulju u Settembru ta’ din is-sena, il-passiġġieri li żaru Malta bil-cruise liners żdiedu b’aktar minn sitta u tletin fil-mija (36.1%) meta mqabbel mal-istess tliet xhur ta-ssena li għaddiet.
Bejn Lulju u Settembru ġew Malta bil-baħar ftit aktar minn mitejn, sebgħa u ħamsin elf passiġġier (257,178).
L-uffiċċju Nazzjonali tal-Istatiska qal li dan ifisser qabża ’l fuq ta’ aktar minn tmienja u sittin elf turist tal-cruises fuq l-istess tliet xhur is-sena li għaddiet.
Fil-Port il-Kbir bejn Lulju u Settembru daħlu mija u tnejn u għoxrin vapur tal-passiġġieri, sebgħa u għoxrin aktar milli kienu daħlu s-sena l-oħra. Żied jingħad li kważi ħamest elef u sitt mitt passiġġier (5,588) żaru lil Għawdex waqt li ftit aktar minn erbat elef u erba’ mija (4,449) passiġġieri qattgħu minn tal-inqas lejl f’Malta.
Iċ-ċifri tal-NSO juru li kważi sitta u sittin fil-mija (65.9%) tal-passiġġieri ġew minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, la-ktar mill-Ġermanja, ir-Renju Unit, l-Italja u Spanja. L-għadd ta’ passiġġieri minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea qabżu sebgħa u tmenin elf u ħames mija, li kważi disgħa u erbgħin fil-mija (48.8%) kienu ġejjin mill-Istati Uniti.
Ħarsa lejn l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena turi li b’kollox waslu Malta kważi sitt mitt elf passiġġier (598,837), żieda ta’ aktar minn ħamsa u tletin fil-mija (35.6%) meta mqabbel mal-istess xhur is-sena l-oħra.
L-NSO żied jinnota żieda qawwija ta’ passiġġieri bil-baħar mis-suq Ġermaniż, Amerikan u Brittaniku.
Il-Ministru ghat-Turiżmu Konrad Mizzi stqarr li dawn iċ-ċifri huma pożittivi ħafna għat-turiżmu u wisq aktar għan-negozji tal-Belt Valletta. Żied jgħid li barra ż-żieda fit-turisti mill-cruise liners, hemm żieda wkoll f’turiżmu minn barra l-Ewropa, partikolarment mill-Amerka, l-Ġappun u l-Kanada, fejn it-turisti minn dawn iż-żewg pajjiżi żdiedu kwazi bid-doppju tas-sena l-oħra. Il-Ministru qal ukoll li dan jikkumplimenta l-istrategija li qed tiġi addottata biex nattiraw turisti li jonfqu aktar, mhux biss minn swieq tradizzjonali, iżda anki minn swieq b’saħħithom ġodda.