Delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela għada t-Tnejn 4 ta’ Novembru se terħilha lejn Shanghai fiċ-Ċina.
Għall-ewwel darba, Malta se tkun qed tiehu sehem fiċ-China International Import Expo (CIIE) fiera organizzata mill-Gvern Ċiniz gewwa Shanghai. Din is-sena hija it-tieni edizjoni ta’ din il-fiera u Malta se tkun prezenti bi stand nazzjonali li fih se tkun qed tippromwovi ir-relazzjonijiet mil-qrib li jeżistu bejn iż-żewġ pajjiżi kif ukoll il-kisbiet kbar li għamlet Malta f’dawn l-aħħar snin.
Id-diżinn tal-istand Maltija hija mifruxa fuq 136 metru kwadru u se tkun qed tippreżenta d-diversità tal-ekonomija Maltija. Il-ħsieb wara l-istand Maltija huwa dak ta’ pajjiż li qed ikompli jiżviluppa, pajjiż modern li jħares ‘il quddiem, pajjiż li għandu storja twila ta’ nies bieżla li rnexxielhom jagħmlu suċċess kull fejn kellhom preżenza fi kwalunkwe pajjiż fid-dinja.
“Ħadna ħsieb li kull min iżur l-istand Maltija jieħu impressjoni tajba ta’ pajjiżna u ngħinuhom jifhmu li Malta hija tassew destinazzjoni fejn wieħed jista’ jinvesti u jagħmel suċċess barra li hija wkoll destinazzjoni turistika ta’ eċċellenza li tista’ toffri lil kull min iżura esperjenza mill-aqwa,” qal il-Ministru Carmelo Abela.
Żied jgħid kif fuq l-istand, il-viżitaturi se jkunu jistgħu jistaqsu dwar diversi setturi tal-ekonomija fosthom is-setturi tas-servizzi finanzjarji, tal-manifattura, ta’ turiżmu, tal-edukazzjoni, tal-informatika u tal-avjazzjoni. Se jkun hemm ukoll rappreżentazzjoni tal-kultura Maltija u esebiti ta’ snajja Maltin. Rappreżentanti ta’ aġenziji tal-Gvern Malti se jkunu qed jiltaqgħu ma’ diversi rappreżentanti tal-komunità kummerċjali Ċiniza u l-istand Maltija ħasbet ukoll għal din l-eventwalità. Barra l-imbuttatura qawwija li qed jingħata l-kummerċ bejn Malta u ċ-Ċina, l-istand Maltija se tkun ukoll qed tagħmel preżentazzjoni qawwija dwar il-kultura Maltija, dwar dak li jagħmilna Maltin u dwar l-istil ta’ ħajja Maltija.
Il-Ministru Abela tenna kif ir-rabta bilaterali eċċellenti bejn Malta u ċ-Ċina dejjem kompliet tissaħħah mit-twaqqif ta’ relazzjonijiet diplomatiċi fl-1972, ikkaratterizzata minn sens ta’ rispett u ftehim reċiproku. Ir-rabtiet pożittivi li ġew mibnija ppermettew matul dawn il-ħafna snin l-iżvilupp ta’ qafas ta’ kooperazzjoni li jsostni relazzjoni mill-qrib bejn iż-żewġ popli.