Meta tkellem dwar il-kontroversja għall-permess ta’ bini ta’ villa f’Ta Muxi fil-Qala, l-għada li l-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli qal li se jirrinunzja l-permess, il-Prim Ministru Joseph Muscat b’ton ċar qal li kienet deċiżjoni li ma setax jifimha. Fl-istess ħin tenna l-bżonn li tinbidel il-politika relatata.
“Irrabjaw din il-ġimgħa n-nies. Ġustament u bir-raġun ngħid jien… Hija deċiżjoni li ħafna nies, ġustament ngħid jien, jien l-ewwel wieħed, ma fhimtiex…mhux għaliex kienet skorretta teknikament jew legalment, għax kif qed nifhem jien u ngħatajt id-dettalji għax il-mod kif ħareġ il-permess kien wieħed skont ir-regoli.” Stqarr il-Prim Ministru.
Il-Mexxej Laburista żied li fil-fehma tiegħu l-awtorità kienet insensittiva fil-mod kif ħareġ dan il-permess.
Dr Muscat spjega kif il-Ministru responsabbli kien talab li tinbidel din il-politika iktar minn sena u nofs ilu u internament fi ħdan l-awtorità kienu ilhom isiru laqgħat b’rappreżentanti tal-oppożizzjoni u għaqdiet iktar minn sena u nofs.
Il-Prim Ministru semma’ kif xahar ilu l-Ministru bagħat formalment skont il-liġi biex tinbidel din il-politika.
Sostna kif l-awtoritajiet regolatorji minkejja li huma awtonomi mill-gvern, iridu jieħdu tagħlima li hemm sensibbiltà politika, ambjentali u ċivika.
“Meta jkollok awtorità indipendenti filwaqt li l-awtorità qed tagħmel id-deċiżjonijiet b’mod indipendenti għal rasha, fl-aħħar mill-aħħar xorta waħda l-gvern jeħel. Aħna mhux noħduha kontra l-poplu rridu, imma li nifhmu lill-poplu.” Saħaq Dr Muscat.
Dr Muscat spjega kif ġustament tkellmu diversi entitajiet fuq dan il-każ, fosthom il-Knisja.
“F’dan kollu, il-Knisja u l-Istat għandhom rwoli mhux kontra xulxin imma kumplimentari.” Kompla jgħid il-Mexxej Laburista.
Il-Prim Ministru żvela kif tkellem mal-Arċisqof fejn wera li l-Knisja ma kienitx soda biżejjed ma’ min ixerred il-mibgħeda.
“Il-Knisja tagħmel sew titkellem fuq l-ambjent. Nittama li l-Knisja titkellem ukoll fuq minn min fostha qed jiżra’ mibgħeda fuq persuni oħra.” Saħaq il-Prim Ministru.
U hekk kif semma l-Arċisqof, il-Mexxej Laburista raddlu ħajr għall-ġest li għamel is-Sibt meta bierek il-parti miċ-ċimiterju li mhix konsagrata.
“Nirrikonoxxu li kien aġir kuraġġuż ħafna tal-Arċisqof… it-tieni nett nirringrazjah u t-tielet nett li nkunu aħna li dejjem noħorġu l-id tal-ħbiberija.” Tenna Dr Muscat.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-progress f’Għawdex fejn l-ekonomija qed tikber b’ritmu iktar mgħaġġel minn Malta.
Irrefera għall-proġett tal-mina u l-fatt li wara li Adrian Delia vvota favuriha fil-parlament, issa il-Kap tal-Oppożizzjoni qed jgħid li jrid jara x’inhi l-pożizzjoni tiegħu.
“Dik deċiżjoni li l-poplu ħa f’elezzjoni ġenerali u li se nkunu qed nimplimentaw.” Ikkonkluda l-Prim Ministru.
Finalment il-Prim Ministru sostna li l-poplu jaf li l-problemi li kienu jeżistu solvihom dan il-gvern u iktar minn hekk jaf li l-problemi tal-lum ukoll jista’ jsolvihom dan il-gvern biex inkomplu nikbru flimkien.