Il-MEUSAC jiddiskuti l-proposta ta’ investiment ta’ €100 biljun mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2021-2027 – One News

Notifiki

Il-MEUSAC jiddiskuti l-proposta ta’ investiment ta’ €100 biljun mill-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni għall-perjodu 2021-2027

Waqt li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet bejn l-istati membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar kif għandu jitqassam il-budget tal-Unjoni Ewropea għas-seba’ snin wara l-2020, il-membri tal-Core Group tal-MEUSAC illum iddiskutew il-proposta għall-programm il-ġdid ta’ fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni, ‘Horizon Europe’.

Horizon Europe’ huwa proposta ta’ investiment qawwi fir-riċerka u l-innovazzjoni, li għas-snin li ġejjin għandha tkun prijorità tal-Unjoni Ewropea biex tkun fuq quddiem fl-avvanzi teknoloġiċi u tiżdied il-kompetittività u l-produttività fl-Ewropa.

Fost il-prijoritajiet ewlenin għall-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni nsibu l-oqsma tas-saħħa, sistemi kompjuterizzati kumplessi, it-teknoloġija diġitali bħall-intelliġenza artifiċjali u r-robotika, il-klima, l-enerġija u l-ilma, it-trasport, l-ikel u r-riżorsi naturali.

Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li l-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni huma essenzjali għall-kompetittività, f’dinja li qed tinbidel b’rata mgħaġġla. Il-ministru qal li l-Gvern jisħaq fuq tranżizzjoni ġusta biex fl-Unjoni Ewropea, pajjiżi iżgħar jilħqu l-livell ta’ pajjiżi akbar fejn jidħlu r-riċerka u l-innnovazzjoni, u dan permezz ta’ investiment li jrendi fit-tul.

F’dan il-kuntest, il-Ministru Zammit Lewis qal li l-Gvern qed jinvesti fil-kapital uman u fit-tiġdid tal-ħiliet, b’mod speċjali għal dawk li x-xogħol tagħhom m’għadux viabbli fid-dinja tal-lum u jkun hemm bżonn li jiġu mħarrġa f’ħiliet ġodda. Waqt li pajjiżna hu klassifikat bħala moderat f’dik li hi innovazzjoni, għandna naħdmu biex minkejja ċ-ċokon tagħna, nieħdu aktar fondi għal investimenti f’mudelli ġodda ta’ negozju u l-industrija.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia qal li filwaqt li huwa tajjeb li l-fondi Ewropej jiġu assorbiti sal-aħħar ċenteżmu, kif diġà qed isir, jeħtieġ li nkunu ambizzjużi ħafna iktar: “Se nieħdu lil pajjiżna fuq livell ieħor fejn jidħlu fondi Ewropej diretti li għalihom irridu nikkompetu ma’ pajjiżi oħra. Dan se jkun ir-rwol ta’ unit ġdid taħt il-portafoll tiegħi sa minn Jannar li ġej biex inkomplu niċċentralizzaw l-immaniġġjar tal-fondi Ewropej.”

Huwa żied jgħid li Malta trid tkun f’pożizzjoni li tikkompeti fejn jidħlu riċerka u innovazzjoni. Il-pajjiżi li saru membri tal-UE fl-2004 u fis-snin ta’ wara, fosthom Malta, jieħdu biss 5% tal-programm ‘Horizon’ kollha f’daqqa. Is-segretarju parlamentari spjega li minn dawn, €20 miljun ta’ fondi Ewropej ġew allokati għall-ikbar kumpaniji f’Malta biex jinvestu fl-RDI. L-Università ta’ Malta wkoll qed tibbenefika minn fondi taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-implimentazzjoni ta’ żewġ proġetti b’valur ta’ madwar €52 miljuni fil-qasam tar-riċerka u innovazzjoni. Din hi l-pjattaforma li pajjiżna se jippreżenta fiż-żmien li ġej, temm Aaron Farrugia.

Il-membri preżenti ngħataw preżentazzjoni dwar l-elementi ta’ x’inhu maħsub fil-programm ‘Horizon Europe’ minn uffiċjali tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) li fil-preżent jieħdu ħsieb l-immaniġġjar tal-fondi tal-programm kurrenti ‘Horizon 2020’ f’Malta. Huma tkellmu wkoll dwar pjattaforma onlajn tal-MCST bl-isem ‘plumtri’ għal riċerkaturi akkademiċi, mill-kumpaniji, minn organizzazzjonijiet ċivili u individwi li fost l-oħrajn qed isservi ta’ għodda ta’ opportunitajiet ta’ fondi u biex jinstabu msieħba fi proġetti ta’ riċerka u innovazzjoni.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend