Il-Grupp Fortina se jinvesti mal-għoxrin miljun ewro f’erba’ dgħajjes ġodda u moderni li se jiġu attrezzati b’mod li jaħlu inqas enerġija u għalhekk jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent.
Id-dgħajjes il-ġodda li mistennija jaslu sa nofs is-sena d-dieħla qed jinbnew f’tarzna fir-Renju Unit b’tul li jvajra bejn l-għoxrin u t-tlieta u tletin metru.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Fortina Edward Zammit Tabona qal li qed jagħmlu investiment bla preċedent f’dgħajjes li jirrispettaw l-ambjent u fl-istess waqt joffru lil dawk li jivvajġġaw fuqhom l-opportunità li jgħaqqdu f’daqqa s-servizz tat-trasport tal-art u tal-baħar li jużaw.
“Ħa jkun qed jopera minn Tas-Sliema lejn San Ġiljan lejn bugibba lejn kemmuna. More of a turist thing. Iktar ibbazata għat-turisti.”
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Forti Sant’Anġlu li għaliha kien preżenti wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat, il-kumpanija nediet ukoll il-kunċett I See Malta, biljett wieħed li jipprovdi lit-turisti aċċess għas-servizz tat-trasport bil-baħar, il-karozzi tal-linja li jdawru t-turisti mal-pajjiż, it-trasport pubbliku kif ukoll mużewijiet u siti ta’ Heritage Malta/
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan huwa pass iehor il’ quddiem biex nipprovdu esperjenza u prodott turistiku aħjar lil dawk li jagħżlu lil Malta għall-btala tagħhom.
Qal li iridu ninvestu f’enerġija nadifa, u dak hu li qiegħed isir f’dan l-investiment fejn id-dgħajjes se jaħdmu kollha b’enerġija nadifa.
Il-Prim Ministru sejjaħ dan l-investiment favur is-sostenibbilita u fakkar fil-wegħda tal-Gvern li ’l quddiem, it-trasport pubbliku jrid ikun b’xejn għal kulħadd.
Il-Ministru għat-Trasport Ian Borg faħħar dan l-investiment li se jtejjeb il-prodott turistiku ta’ pajjiżna u favur l-enerġija nadifa.
“Investiment favur trasport nadif u ghat-turist. Nilqa’ b’mod pożittiv it-trasport bil-baħar u konvint li anki dan is-servizz se jintgħoġob mat-turisti imma anki mal-Maltin.”