Il-Pulizija fil-Ġermanja qalet li għadd ta’ persuni sogħbiena li kienu qegħdin jattendu għal funeral spiċċaw ‘high’ wara li bi żball ġew servuti kejkijiet tal-ħaxixa li kienu nħmew għall-okkażjoni differenti.
Il-Pulizija qalet li l-każ seħħ fil-belt tal-Lvant tal-Ġermanja Rostock wara d-difna. Qalet li hek kif inhi d-drawwa fil-Ġermanja, il-persuni li attendew għall-funeral marru għall-festin f’restorant għal kafe u għall-biċċa kejk.
Kien hawn li numru ta’ persuni bdew iħossuhom ħażin b’uħud minnhom saħansitra kellhom bżonn trattament mediku.
Minn investigazzjoni li saret mill-Pulizija, irriżulta li l-mara li kienet responsabbli mill-kejkijiet fir-restorant, talbet lil bintha li għandha 18-il sena biex taħmihomlha.
Il-Pulizija qalet li bi żball l-omm ħadet mill-freezer kejkijiet tal-ħaxixa li bintha ħmiet għal okkażjoni differenti u mhux dawk għall-funeral.
L-inċident seħħ f’Awwissu li għadda iżda ma sarx pubbliku aktar kmieni b’rispett għall-qraba tal-mejjet.
Il-Pulizija żiedet tgħid li tfajla ta’ 18-il sena qed tiġi investigata.