Qorti f’Roterdam fl-Olanda ordnat l-arrest ta’ ġurnalist għax bl-ebda mod ma jrid jikxef is-sorsi tiegħu dwar każ kriminali li fih hemm involuti barunijiet tad-droga.
Il-ġurnalist, Rob Bas mill-aġenzija tal-aħbarijiet NOS irrifjuta li jikxef is-sorsi tiegħu u mistenni jibqa’ jinżamm arrestat. Il-Qorti Olandiża qed tittama li b’din l-azzjoni, iġġiegħel lill-ġurnalist jibdel fehemtu u jikxef is-sorsi tiegħu.
Fuq il-pedana tax-xhieda, il-ġurnalist irrifjuta li jwieġeb il-mistoqsijiet u qal lill-imħallef li jekk iwieġeb, ikun qiegħed ipoġġi ħajtu u ħajjet is-sors tiegħu fil-periklu. Kien hawn li l-qorti ddeċidiet li tarrestah.
Il-każ jinvolvi qtil li seħħ ħames snin ilu ta’ direttur li kien jaħdem f’istituzzjoni ta’ saħħa mentali. L-awtoritajiet jemmnu li l-vittma nqatel bi żball għax il-qattiel ħasbu r-rivali tiegħu f’ċirku kbir ta’ traffikar ta’ droga.
Bħalissa aktar minn mitt ġurnalisti minn bosta kmamar tal-aħbarijiet fl-Olanda qegħdin jipprotestaw madwar il-qorti f’Rotterdam. Huma qegħdin jitolbu għall-ħelsien tal-ġurnalist.
L-editur tal-aġenzija tal-aħbarijiet NOS qal li jinsabu xxokjati bil-kbir b’din id-deċiżjoni tal-qorti u sejjaħ l-arrest tal-ġurnalist bħala “attakk fuq il-libertà tal-istampa. Waqt li sostna li dan il-każ huwa serju ħafna għax jinvolvi ka’ krimanli kbir, sostna li l-qorti qed tipperikola l-ħajja tal-ġurnalist u s-sors tiegħu.
Dan ma kienx l-uniku każ li fih ġurnalist inżamm arrestat fl-Olanda għax ma riedx jikxef is-sorsi tiegħu. Każ simili seħħ fis-sena 2000 u dakinhar il-ġurnalist inżamm arrestat għal 18-il jum.
L-imħallef fil-qorti Olandiża qiegħed isostni li l-privileġġ ġurnalistiku li ma jikxifx is-sors tiegħu ma japplikax għax il-każ huwa serju u s-sors li miegħu tkellem il-ġurnalist ġie interċettat mill-pulizija li għandha wkoll it-traskrizzjonijiet tat-telefonati li saru.
Il-ġurnalisti u l-kmamar tal-aħbarijiet ma qablux ma’ dan ir-raġunament u qegħdin jikkwotaw deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li tħares il-privileġġ tal-ġurnalisti li ma jikxfux is-sorsi tagħhom.
F’Marzu li għadda, id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi talab fil-qorti lill-editur tal-gazzetta Malta Today Saviour Balzan biex jiżvela s-sorsi tiegħu dwar l-istejjer li ppubblika b’rabta mal-MEP Nazzjonalista David Casa dwar użu ħażin ta’ fondi Ewropej u użu eċċessiv mid-droga kokaina.
Dakinhar il-qorti Maltija laqgħet it-talba ta’ Balzan u waqqfet lil Azzopardi milli jkompli jinsisti ma’ Balzan biex jikxef is-sorsi tiegħu. Dan wara li ddikjarat li l-ġurnalist għandu dritt jipproteġi s-sorsi tiegħu.