Il-PM ħabbar li l-Gvern xtara l-unika dar li kienet tgħix fiha r-Reġina barra r-Renju Unit – One News

Notifiki

Il-PM ħabbar li l-Gvern xtara l-unika dar li kienet tgħix fiha r-Reġina barra r-Renju Unit

Il-Prim Ministru ħabbar li l-Gvern xtara l-unika dar li kienet tgħix fiha r-Reġina.

Fil-Parlament il-Prim Ministru ddedika parti sostanzjali mid-diskors tiegħu għall-ambjent fejn fakkar li l-budget għas-sena d-dieħla fih xejn inqas minn 35 miżura li fihom hemm azzjoni klimatika.

Dr. Joseph Muscat qal li l-Oppożizzjoni lanqas ntebħet li s-settur marittimu bħalissa huwa eskluż mill-azzjonijiet internazzjonali li jindirizzaw it-tibdil fil-klima.

Minkejja dan huwa qal li hemm proġett li se jara l-cruiseliners ikunu iżjed ‘l barra biex ma jħammġux il-port.

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat stqarr: “Tenders għal proġett madwar 35 miljun b’fondi Ewropej sa Jannar.”

Il-Prim Ministru semma l-investiment li qed isir fil-infrastruttura u qal li l-Gvern qed jiftaħ widnejh għal anki proposti ta’ tisħiħ infrastrutturali kulturali.

Fost l-oħrajn semma Teatru Rjal u anki villa marbuta mal-istorja Maltija fi żmien il-ħakma Ingliża.

“Villa Gwardamangia. Reġina għexet 1949-1951 bħala prinċipessa u l-uniku post li għexet barra r-Renju Unit. Potenzjal li ssir waħda mill-aqwa 5 attrazzjonijiet f’pajjiżna”, sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru rrimarka li l-investiment fl-infrastrutura se jiswa’ mitqlu deheb għall-ġenerazzjonijiet futuri.

“Studju mill-Bank Ċentrali jindika li jekk nirrimedjaw din is-sitwazzzjoni kif kien konvint li se jiġri frott il-proġetti li għandna, il-ġid nazzjonali ta’ pajjiżna jikber bi 11%. Jiġifieri dak li qed nagħmlu f’din il-leġislatura kapaċi jkolli erba’ darbiet l-effett fuq it-tkabbir milli dak li għamilna fil-leġislatura li għaddiet”, qal Dr. Muscat.

Dwar l-innovazzjoni, Dr. Muscat qal li llum aktar minn qatt qabel għandna ekonomija ddiversifikata li daħlet f’settur ġodda bħal produzzjoni tal-kannabis mediċinali u anki crypto currency.

“Semma blockchain u beda jogħrok idejh għax skont hu ma ħarġitx liċenzja waħda. Lanqas fehem differenza bejn crypto currencies u blockchain. Sal-lum ingħataw 17 liċenzja ta’ VFA agents. 5 liċenzji systema auditors. Kumpaniji li qegħdin joperaw u fil-proċess sabiex japplikaw għal-liċenzja fl-1 ta’ Novembru li ġej”, temm jgħid il-Prim Ministru, Joseph Muscat.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend