Id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi reġa’ semma’ l-heavy fuel oil.
F’konferenza tal-aħbarijiet Jason Azzopardi tkellem dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni li ilha xhur titħejja u ma rrikonoxxitx u nsiet liġi li daħlet erba’ snin ilu biex tindirizza t-tibdil fil-klima.
Azzopardo qal li “Kull vapur inkluż cruiseliner li jgħaddi, ikollu filters apposta u ma jużax il-Heavy Fuel Oil.”
Jason Azzopardi semma’ l-heavy fuel oil, meta fl-2011 kien parti mill-kabinett ta’ Gvern Nazzjonalista li biddel il-liġi ambjentali ħalli l-powerstation ta’ Delimara titħaddem bl-istess heavy fuel oil flok bil-gass.
U dan jumejn biss qabel l-Unjoni Ewropea kienet talbet biex ma jintużax iżjed il-heavy fuel oil.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet, Jason Azzopardi qal li fil-liġi tal-klima tal-2015 ma hemmx inkluż il-kontribut minn esperti dwar il-klima.
Iżda l-liġi tal-2015 tmur lil hinn mill-mozzjoni li ressaq il-Partit Nazzjonalista hekk kif din tikkonsulta mal-esperti u ma tieqafx biss b’diskussjonijiet bejn il-politiċi, kif trid l-Oppożizzjoni.
B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li l-emendi għall-mozzjoni dwar il-klima li kienet diskussa fil-Parlament iwasslu biex Malta terġa’ tirrijaferma emerġenza jew kriżi klimatika.
Dan kif effettivament sar erba’ snin ilu biss, meta l-Parlament approva unanimament liġi esklussivament dwar is-suġġett.
“Filwaqt li jagħtu dettalji speċifiċi dwar xogħol li sar, impenji għall-futur u jikkoreġu punti tekniċi, l-emendi li qed jitressqu m’ humiex kontradittorji għall-mozzjoni oriġinali”, saħaq il-Partit Laburista
Il-Partit Laburista temm jgħid li għandu kull intenzjoni, li jfittex kull tip ta’ koperazzjoni fuq dan il-qasam.